“Il-Kriżi Fit-Tibdil Tal-Klima Għadna Neħduha Anke Fuq Livell Nazzjonali” – Il-PN
“F’dawn il-jiem mill-iktar iebsa u diffiċli għall-popli ta’ mill-anqas seba’ pajjiżi differenti, li qed jesperjenzaw nirien qawwija kkawżati mit-tibdil fil-klima, l-Partit Nazzjonalista jingħaqad ma’ diversi partiti u pajjiżi oħra u jesprimi s-solidarjetá sħiħa.” Hekk qalu l-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Carm Mifsud Bonnici flimkien mas-Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight fi stqarrija li ħarġu f’isem il-PN fid-dawl ta’ dak li qed jiġri.
Il-PN tenna li “dan huwa mument partikolari ta’ popli li qegħdin jibku numru kbir ta’ persuni li ntilfu kawża ta’ dawn in-nirien. Dan kollu huwa mument ta’ riflessjoni, mument fil-kriżi tal-bidla fil-klima li ma aħniex nieħdu bis-serjetá biżżejjed.”
Il-PN qal ukoll li filwaqt li jesprimi s-solidarjetá tiegħu jappella biex din il-ġlieda neħduha anke fuq livell nazzjonali.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fl-aħħar jiem ħabbar li l-PN se jkun qed jorganizza konferenza nazzjonali fejn qal li din ħa ssir bl-iskop li jiddiskuti din il-problema u joffri soluzzjonijiet.