Il-Malta Police Union B’Tilwima Industrijali Kontra L-Kummissarju Tal-Pulizija
Il-Malta Police Union (MPU) bdiet tilwima industrijali kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, minħabba li l-Pulizija ġew injorati u mhux imwieġba dwar it-talba tagħhom li jibqgħu joffru servizz ta’ maniġġjar tat-traffiku lil terzi persuni.
L-MPU qalet li dawn is-servizzi huma ta’ opportunità biex l-uffiċjali tal-Pulizija jdaħħlu xi ħaġa żejda tal-flus meta jkunu off duty. Dan għaliex is-servizz jitħallas direttament mill-persuna li tkun qed titlob għas-servizz. Dan huwa servizz li normalment ikun ta’ immaniġġjar tat-traffiku meta jkun hemm xi triq magħluqa.
“Għaliex għandhom il-pulizija jaħdmu biss sahra sfurzata f’Paceville biex ikopru n-nuqqas ta’ ħaddiema fl-Għassa ta’ San Ġiljan u n-nuqqas ta’ ppjanar għall-preżenza tal-pulizija tul is-snin f’Paceville, meta jaf hemm opportunitajiet oħra wkoll?” staqsiet l-union fl-istqarrija tagħha.
Il-Malta Police Union temmet tgħid li “l-ewwel intużat l-iskuża li s-servizz hu degradanti, u issa l-pandemija. L-union qed tistenna b’ħerqa t-tielet skuża.”