Il-Ministeru Għal Għawdex Jiffinanzja R-Restawr Taż-Żewġ Kampnari U Partijiet Mill-Faċċata Tal-Knisja Taż-Żebbuġ B’Valur Ta’ €106,000
B’investiment ta’ €106,000, id-Direttorat ta’ Eko Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jiffinanzja x-xogħlijiet ta’ restawr fuq iż-żewġ kampnari u partijiet mill-faċċata tal-Knisja ta’ Santa Marija Assunta fiż-Żebbuġ.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, fejn saħaq li kif ġara ma’ parroċċi oħra, il-Gvern qed iservi ta’ spalla għall-Knisja sabiex anke jara li l-wirt storiku ta’ pajjiżna jiġi ppreservat.
Din il-kontribuzzjoni ser tkun qiegħda tgħin sabiex isir ir-restawr taż-żewġ kampnari—xogħlijiet li jinvolvu t-twaqqigħ u r-rikostruzzjoni tal-kampnari eżistenti, il-bdil ta’ partijiet mill-entablatura, il-gwarniċ u restawr ta’ ħsara oħra mal-faċċata mġarrba matul is-snin.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Camilleri spjega li madwar tliet snin ilu l-parroċċa taż-Żebbuġ kienet ikkummissjonat rapport tekniku dwar l-istruttura tal-kampnari u kien ħareġ biċ-ċar li hemm dgħufija strutturali. Għalhekk kien hemm bżonn ta’ intervent urġenti biex dawn l-istess kampnari jiġu restawrati. F’Lulju tas-sena 2019 il-parroċċa rċeviet il-permessi meħtieġa biex jibdew ix-xogħlijiet ta’ restawr u għalhekk issa l-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jgħin finanzjarjament lil din il-parroċċa.
Min-naħa tiegħu, l-arċipriet tal-parroċċa Dun Ġwann Sultana rringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex u l-Gvern, hekk kif bl-intervent tagħhom qed iwasslu biex iseħħ dan il-proġett tant mistenni. Dan il-proġett se jippermetti wkoll biex din il-knisja pittoreska terġa’ tiġi fil-glorja tagħha.