“Il-Pjan Tal-Gvern Magħruf, Bħalma Hi Magħrufa L-Inkonsistenza Tal-Opożizzjoni” – Il-PL
“Il-pjan tal-Gvern biex jiġġieled il-pandemija hu magħruf u qiegħed ikun implimentat b’suċċess.” Hekk tibda l-istqarrija li ntbagħtet mill-Partit Laburista fejn intqal li dan hu pjan li filwaqt li jħares is-saħħa tan-nies, iħares ukoll il-kwalità tal-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin.
Tenniet li dan il-pjan jattakka l-virus bil-vaċċin, filwaqt li jirregola r-restrizzjonijiet fuq il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Saħqu li f’ħafna oqsma tal-ħajja illum l-attività fil-pajjiż marret jew bdiet tmur lura għan-normal, grazzi għall-implimentazzjoni b’saħħitha tal-programm tat-tilqim. Programm tat-tilqim li kien fost l-iktar mgħaġġla u effiċjenti fid-dinja.
Il-Partit Laburista kompla jgħid li programm ta’ tilqim li skont il-Partit Nazzjonalista ma kienx possibbli, għax qalu li Malta kienet se tikseb biss 40,000 doża ta’ vaċċin u għax skont l-Oppożizzjoni il-vaċċin mhux is-soluzzjoni.
Il-Gvern diġà saħansitra ħabbar il-passi li jmiss fil-programm ta’ vaċċinazzjoni nkluż b’rabta mal-booster.
“Fuq kollox, il-Gvern mhux biss għandu pjan biex iħares is-saħħa tan-nies, iżda wkoll biex iħares l-għajxien. Dan ukoll qed ikun implimentat b’suċċess tant li l-pajjiż għandu l-inqas rata ta’ qgħad u f’diversi oqsma qed jibdew jintlaħqu livelli ta’ qabel il-pandemija.”
Intqal li l-pjan tal-gvern magħruf, ħalla u se jkompli jħalli r-riżultati. Fuq kollox hija magħrufa wkoll l-inkonsistenza tal-Oppożizzjoni b’Covid Team mimli politiċi li spiċċaw imeru lil xulxin pubblikament. Mhux ta’ b’xejn li dan it-taparsi tim m’għadux jissemma fl-istqarrijiet dwar is-suġġett tal-Partit Nazzjonalista.
Hekk temmet l-istqarrija mill-Partit Laburista.