“Il-PM Għandu Jdejh Marbuta Meta Jiġi Biex Jaġixxi Fil-Konfront Ta’ Ċerti Persuni Fil-Kabinett” – Il-PN
“Robert Abela ifalli fl-ewwel test tal-governanza wara l-pubblikazzjoni tal-inkjesta pubblika.” Hekk sostnew il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija li ħarġu wara li l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti irrifjuta t-talba l-mozzjoni parlamentari mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sabiex il-Parlament jiltaqa’ b’urġenza biex jiddiskuti l-każ tal-Ministru Edward Zammit Lewis. Dan wara li l-Gvern ma qabilx mat-talba tal-Oppożizzjoni.
Il-PN qal li fl-ewwel okkażjoni li kellu Robert Abela sabiex jaċċetta l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika falla mill-ewwel u ma kienx kapaċi jagħraf li Edward Zammit Lewis m’għandux jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Gvern. “Jidher biċ-ċar li Robert Abela għandu jdejh marbuta meta jiġi biex jaġixxi fil-konfront ta’ ċerti persuni fil-kabinett tiegħu, a kuntrarju ta’ oħrajn bħal Rosianne Cutajar u Justyne Caruana.” Saħqu fl-istqarrija l-PN.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista kkonkludiet din l-istqarrija billi tenniet is-sejħa lill-Ministru Edward Zammit Lewis biex jirriżenja mingħajr dewmien, u fin-nuqqas li jagħmel hekk minn jheddu, Robert Abela għandu jkeċċieh minnufih.
Fl-aħħarnett il-PN qal li pajjiżna jixraqlu li l-kariga ta’ Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza tkun okkupata minn persuna li ma tkunx assoċjat ruħha ma’ individwi li dwarhom kien hemm diġà allegazzjonijiet serji u li ma tkunx ipparteċipat fil-ħolqien u t-tħaddim ta’ kultura ta’ impunità li wasslet għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.