Il-PN B’Mozzjoni Ta’ Sfiduċja Fil-Ministru Edward Zammit Lewis

 Il-PN B’Mozzjoni Ta’ Sfiduċja Fil-Ministru Edward Zammit Lewis

Wara li ġew żvelati allegatament chats bejn il-Ministru Edward Zammit Lewis u Yorgen Fenech, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ser jitlob lill-ispeaker tal-kamra tad-deputati sabiex ilaqqa’ l-Parlament b’urġenza biex jiddiskuti mozzjoni Parlamentari ta’ sfiduċja kontra l-istess Ministru tal-Ġustizzja Zammit Lewis.

Fi stqarrija, Il-PN qal li din id-deċiżjoni qed tittieħed wara rapport li ħareġ f’’The Sunday Times’ dalgħodu. Il-PN sostna li minflok ma Edward Zammit Lewis appoġġja l-isforzi tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil biex tkun żgurata investigazzjoni dwar il-kumpanija ta’ korruzzjoni ta’ Fenech, 17 Black, Zammit Lewis daħak bih u ddeskrivieh bħala “theddida għas-saltna tad-dritt” filwaqt li bagħat messaġġi sigrieti lil Fenech biex ifittex l-approvazzjoni tiegħu. F’dawn il-messaġġi li ġew żvelati Zammit Lewis qal ukoll lil Yorgen Fenech li l-votanti Laburisti huma “ġaħan” u li ma jfittxux il-kompetenza politika iżda “tfal u pożi”.”

“Bħal Robert Abela, Edward Zammit Lewis huwa politiku li filwaqt li jippreżenta lilu nnifsu bħala l-wiċċ tar-riforma, fir-realtà, huwa wieħed mill-persuni responsabbli għall-ambjent ta’ impunitá li nħolqot mill-iStat u li wassal għas-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum. Il-mozzjoni tal-PN se tkun l-ewwel test għall-grupp parlamentari tal-Labour biex juru bil-fatti li tgħallmu l-lezzjoni tagħhom u li verament lesti jaħdmu fl-interess nazzjonali.” Saħaq il-Kap tal-PN Bernard Grech.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com