“Il-PN Huwa Dak Il-Partit Li Jista’ Jġib Il-Bidla F’Pajjiżna” – Bernard Grech

 “Il-PN Huwa Dak Il-Partit Li Jista’ Jġib Il-Bidla F’Pajjiżna” – Bernard Grech

Dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’kollegament telefoniku fuq Net FM qal li l-PN għandu l-ġenwinità, il-passjoni u d-determinazzjoni li jagħti lil pajjiżna l-kredibilltà li tixraqlu, għax il-PN dejjem kien fuq in-naħa t-tajba tal-Istorja.

“Il-PN huwa dak il-partit li jista’ jġib il-bidla f’pajjiżna għax il-PN biss jista‘ jagħti l-ħelsien lil pajjiżna mill-ħakma tal-kriminali li ħatfuh.” Sostna Bernard Grech.

Meta mistoqsi dwar il-konklużjoni tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Bernard Grech qal li l-Inkjesta tat timbru ċar li l-Gvern Laburista uża l-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna biex jikkontrolla l-informazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni. Hekk kif dan kollu juri li l-Gvern ħoloq klima ta’ impunità. Huwa qal li l-Gvern Laburista kien qiegħed hemm biss biex jaqdi l-interessi tal-individwi li ħakmuh.

Dwar il-ġurnaliżmu u l-midja Bernard Grech qal li issa wasal iż-żmien li Robert Abela jrid jgħaddi mill-kliem għall-fatti u ma jibqax jostakola lill-midja. Huwa żied jgħid li l-Gvern ma jistax jibqa’ juża flus il- poplu biex jikkontrolla l-istituzzjonijiet.

Dwar ir-riforma fl-istazzjon nazzjonali, Bernard Grech qal li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jaħkem lil-PBS u li l-aħbar qed tkun manipulata biex taġevola lill-Gvern Laburista.

Il-Kap tal-PN reġa’ għamel sejħa lil Robert Abela biex jiċħad lil Joseph Muscat.

“Muscat għamel ġid għall-pajjiż, iżda dan ma jistax jintuża biex jiġi skużat l-ħażin kollu li kien seħħ mill-2013,” qal Grech

“Robert Abela għandu jibgħat messaġġ ċar lil Malta u lil hinn minnha li huwa differenti u mhux se jittollera dak li ġara taħt Joseph Muscat,” tenna jgħid Bernard Grech.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com