Il-PN Jesprimi Solidarjetà Mal-Poplu Afgan

 Il-PN Jesprimi Solidarjetà Mal-Poplu Afgan

“Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-poplu Afgan. Dak li għaddej bħalissa f’dan il-pajjiż huwa traġiku b’xeni ta’ tħassib kbir.” Hekk qalu l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici u Roselyn Borg Knight fi stqarrija li ħarġu dwar dak li għaddej bħal issa fl-Afganistan.

Huma qalu li huwa essenzjali li sforz id-diplomazija internazzjonali jsiru negozjati sabiex f’dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni tirrenja l-paċi, is-sigurtá u l-istabilitá. “Dan mhux biss huwa kruċjali iżda hi prioritá assoluta li tiġi assigurata l-parteċipazzjoni ugwali u sħiħa tan-nisa u ta’ gruppi oħra f’minoranzi fil-ħajja edukattiva, politika u soċjali ta’ dan il-pajjiż,” saħqu l-kelliema tal-PN.

Il-PN tenna li qed jingħaqad ma’ diversi partiti oħra fil-konvinzjoni li għandu sabiex tintemm b’mod immedjat il-vjolenza fl-Afganistan, il-bżonn tar-restawr tal-ordni tas-sigurtà, ċivili u kostituzzjonali u taħditiet urġenti biex tissolva l-kriżi attwali tal-awtorità fil-pajjiż.

Il-Partit Nazzjonalista kkonkluda l-istqarrija tiegħu billi qal li jemmen li hu vitali li l-komunità internazzjonali tikkoordina mill-qrib fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin biex tiżgura li titkellem b’vuċi waħda filwaqt li l-PN qed jappella lill-Gvern Malti sabiex jippjana b’mod ċar f’każ ta’ żieda fin-numru ta’ refuġjati billi jsejjaħ għal assistenza mill-Ewropa, illum qabel ma jkun tard wisq.

Ritratt: The Guardian

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com