“Il-PN Qed Ikun Vuċi Iżolata Fil-Kritika Għall-Proġetti Mħabbra U Mwettqa Mill-Gvern” – Il-PL
Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista f’reazzjoni għal dak li ntqal mill-Partit Nazzjonalista dwar il-vetturi elettriċi, ntqal li l-PN qed ikun vuċi iżolata fil-kritika għall-proġetti mħabbra u mwettqa mill-gvern li jinċentivaw iktar minn qatt qabel l-użu ta’ teknoloġija favur l-ambjent, f’dan il-każ il-vetturi elettriċi.
Il-PL jkompli jisħaq li l-PN ma jipproponi xejn konkret u studjat bħala alternattiva. “Dan għax għadu fil-mentalità espressa mill-esponenti tiegħu stess fl-aħħar jiem li xogħlu jikkritika biss u mhux jipproponi.”
“Ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mhi xejn għajr paniku ta’ partit li ma’ kull jum li qed jgħaddi qed joħroġ kif hu l-partit tal-passat u mhux tal-futur,” tenna jgħid il-Partit Laburista.
Il-PL semma kif il-kelliema ta’ Bernard Grech ma qalux kif u b’kemm se jżidu l-infrastruttura u fuq kemm żmien fejn għal dawn il-mistoqsijiet il-gvern diġa’ ta tweġibiet ċari.
Il-PL sostna li “l-gvern qed jiggarantixxi rati vantaġġużi u fost l-aktar rati kompetittivi fl-Unjoni Ewropea, u numru ġeneruż ħafna ta’ sigħat off-peak. Dawn jiżdiedu mal-ħafna inċentivi biex jinxtraw karozzi elettriċi.”
“Mal-Partit Laburista n-nies jafu fejn qegħdin. L-alternattiva hi biss il-baħħ u d-diskors fieragħ tal-Oppożizzjoni,” temm jgħid il-Partit Laburista.