Il-PN Ser Iressaq Proposti Biex Jindirizza L-Problema Urġenti Ta’ Bdiewa Li Qed Jitilfu R-Raba
“Biex ikollna l-ikel fuq il-mejda kuljum jeħtieġ li pajjiżna jipproduċi ħaxix frott u laħam. Dan ma jistax iseħħ jekk il-bidwi ma jkollux l-appoġġ tal-pajjiż. Dan ma jistax iseħħ jekk il-bidwi jispiċċa bla raba x’jaħdem.” Dan qaluh il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius u l-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Clifford Zahra Fenech li ltaqgħu ma’ bidwi fiż-Żejtun li jista jitlef ir-raba fejn jaħdem b’sentenzi tal-Qorti.
Jean Paul Fenech spejga li bħalissa hemm 40 bidwi li qegħdin il-qorti bir-riskju li jiġu mkeċċija mir-raba’ tagħhom fuq qbiela ma’ propjetarji privati. Jean Paul qal ukoll li l-bdiewa sħabu jafu b’għexieren ta’ bdiewa oħrajn li ser jispiċċaw fl-istess sitwazzjoni fix-xhur li ġejjin u li fil-preżent jinsabu f’negozjati mas-sidien tal-artijiet.
Il-kelliema tal-PN qalu li l-prezz tal-qbiela li qed jiġi propost wara s-sentenzi tal-Qorti qed ikun skont il-prezz tas-suq li huwa affetwat mid-domanda għal art għal skopijiet ta’ passatempi bir-riżultat li l-prezz tas-suq qed jogħla tant li ma jibqax possibbli li l-bidwi jixtri l-art.
Agius u Zahra Fenech qalu li “hemm possibilità li ngħinu lill-bdiewa jakkwistaw ir-raba tagħhom permezz ta’ intervent meqjus li jsostni lill-bdiewa mkeċċija mir-raba, kif ukoll bdiewa żagħżugħa li jidħlu fis-settur. Dan irid isir skont il-qafas tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.”
Il-Partit Nazzjonalista qal li ser ikun qed iniedi konsultazzjoni urġenti mal-għaqdiet tal-bdiewa u bdiewa individwali u wara studju dettaljat tal-qafas tal-liġijiet Ewropej ser iressaq proposti li jindirizzaw din l-isfida.