“Il-PN Wera Kif M’Għandux Idea Kif Se Jilħaq Il-Miri Fl-Oqsma Ambjentali”– IL-PL
“Il-Partit Nazzjonalista għadu qed jiddefendi d-deċiżjonijiet ta’ meta kien fil-gvern u li l-effett tagħhom għadu jinħass sal-lum,” hekk sostna l-Partit Laburista f’reazzjoni għal konferenza tal-Partit Nazzjonalista dwar l-ambjent. Il-PL qal li l-PN ma jistax ikun kredibbli meta jitkellem dwar l-ambjent, għax min irid jgħid li se jtejjeb l-affarijiet irid qabel xejn jammetti dak li seta’ għamel aħjar.
Il-PL qal li l-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-ambjent iddefenda l-estensjoni tal-iżvilupp tal-2006, li bħala art kienet kbira daqs is-Siġġiewi kollu. Dan għax hu kien parti mis-sistema li ħadet dawn id-deċiżjonijiet u l-ikbar protagonisti ta’ dak il-proċess kontroversjali llum imexxu l-politika ta’ Bernard Grech.
“Meta tkellem dwar il-bidla fil-klima, il-Partit Nazzjonalista njora l-ammont kbir ta’ inizjattivi li qed jittieħdu mill-gvern. Dan fl-istess ħin li l-Partit Nazzjonalista wera kif m’għandux idea kif se jilħaq il-miri fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija, il-bini, l-immaniġġjar tal-iskart, l-ilma u setturi oħra,” tenna l-Partit Laburista.
“Dan kollu jkompli jikkonferma in-nuqqas ta’ kredibilità tal-Partit Nazzjonalista li mhux biss hu bla ideat u bla viżjoni iżda lanqas mhuwa preparat.” Saħaq il-PL waqt li qal li anke dwar dan is-suġġett mal-Partit Nazzjonalista l-poplu ma jafx fejn qiegħed.
Il-PL tenna li l-Gvern minn naħa l-oħra mhux biss ħa numru ta’ inizjattivi kbar fis-setturi tal-enerġija u t-trasport, fost oħrajn, iżda qed ikompli jaġġorna l-politika tiegħu għall-ġejjieni.