Il-Pulizija B’Qabda Ta’ 136 Kilo Droga B’Valur Ta’ €2.5 Miljun – Erbgħa Arrestati
Il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), arrestaw żewġt irġiel Maltin, wieħed ta’ 30 sena residenti San Ġwann u l-ieħor ta’ 26 sena residenti l-Ħamrun. Sussegwentement ġew arrestati żewġt irġiel oħra, Malti ta’ 26 sena residenti Pembroke u Ingliż ta’ 43 sena residenti San Ġiljan wara sejba ta’ 136 kilo droga suspettata kannabis.
Is-Sejba saret f’garaxx f’Burmarrad, wara informazzjoni li kien qed isir traffikar tad-droga minnu.
Il-valur fit-triq ta’ din id-droga ilaħħaq ‘il fuq minn €2.5 miljun. Din il-qabda hija l-ikbar waħda fis-suq lokali mill-Pulizija din is-sena.
Wara diversi jiem ta’ osservazzjoni fuq il-movimenti tal-erba’ persuni, tard nhar it-Tlieta waranofsinhar, il-pulizija segwew vann li kien qed jinstaq lejn il-Qasam Industrijali ta’ Burmarrad. Hemmhekk, il-vann daħal f’garaxx u f’dan il-mument il-pulizija ċċirkondaw il-post u daħlu.
Kien hawn li l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kkonfermaw l-investigazzjonijiet, fejn instab ammont kbir ta’ laned taż-żebbuġ, li moħbijin fihom instabet id-droga kannabis.
Mill-garaxx ġie elevat apparat biex il-kannabis tiġi ppakkjata u ssiġġillata fil-boroż, ammonti żgħar ta’ droga suspettata kokaina, ecstasy u amfetamina, flimkien ma` arma tan-nar u munizzjon kif ukoll ammont sostanzjali ta’ flus kontanti.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.
Ritratti: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta