Inawgurat Ir-Restawr Fuq Il-Faċċata Tal-Knisja Ta’ Ħ’Attard

 Inawgurat Ir-Restawr Fuq Il-Faċċata Tal-Knisja Ta’ Ħ’Attard

Tlesta x-xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata u l-ħajt ta’ ġenb wieħed tal-knisja parrokkjali ta’ Santa Marija f’Ħ’Attard, xogħol li sar b’investiment ta’ €61,000 b’kofinanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Il-proġett ġie inawgurat dalgħodu mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti wkoll il-Kap tat-Taqsima Proprjetà tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Roberto Buontempo, u l-kappillan Dun Joseph Grech.

Permezz ta’ dan il-proġett, li għalih ikkontribwixxa wkoll il-poplu ta’ Ħ’Attard, twettaq xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata u l-ġenb tal-knisja wara li dawn ġew affettwati mid-deterjorazzjoni tal-ġebla, fosthom l-espożizzjoni għall-elementi naturali, l-umdità u t-tniġġis tal-arja. Matul ix-xogħol ta’ restawr ġie nnutat li fil-passat parti mill-faċċata tal-knisja kienet miżbugħa, b’mod partikolari l-iskultura fina u l-istatwa tal-Madonna li jinsabu fil-parti ta’ fuq. Id-diversi interventi ta’ żebgħa li saru matul is-snin wasslu wkoll sabiex jitgħatta d-dettall irqiq ta’ skultura mill-isbaħ li jdawwar il-bieb prinċipali tal-knisja.

L-Isqof Joseph Galea-Curmi qal li okkażjonijiet bħal dawn jgħinuna nitgħallmu niddistingwu bejn dak li jsebbaħ u dak li jkerrah l-ambjent fejn ngħixu. “L-għażla tagħna għandha tkun mhux għal dak li jfisser gwadann għal ftit min-nies b’detriment għall-bqija, imma dak li hu gwadann għall-ġid komuni, għax iservi ta’ ġid għal kulħadd u għall-ġenerazzjonijiet futuri.” L-Isqof Awżiljarju rringrazzja lil kull min ta sehmu b’mod professjonali f’din il-ħidma ta’ preġju. Irringrazzja wkoll lill-kappillan Dun Joseph Grech u lill-poplu ta’ Ħ’Attard tas-sehem tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li llum ġie inawgurat proġett ieħor kofinanzjat b’fondi Ewropej flimkien mal-Arċidjoċesi ta’ Malta, fejn b’investiment ta’ €61,000 ġiet irrestawrata il-faċċata ta’ din l-opra arkitettonika.

Dr Zrinzo Azzopardi qal li grazzi għal dawn il-fondi Ewropej qed inkomplu nippreservaw u nippromwovu l-wirt kulturali li għandna f’pajjiżna sabiex b’hekk titqajjem aktar kuxjenza dwar il-wirt storiku relatat mal-identità reliġjuża Maltija.

Roberto Buontempo qal li dan il-proġett sar permezz tal-ħidma bejn il-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u s-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej, flimkien mal-parroċċa ta’ Ħ’Attard. Spjega li din il-knisja hi l-unika waħda mibnija minn Tommaso Dingli, li kien ukoll minn Ħ’Attard, li sal-ġurnata tal-lum għadha tħaddan id-disinn orġinali tagħha.

Il-knisja parrokkjali ta’ Ħ’Attard, iddedikata lit-Tlugħ tal-Verġni Marija fis-Sema, inbniet bejn l-1613 u l-1624 u hija meqjusa bħala l-ifjen knisja Rinaxximentali f’Malta. Din hi waħda minn għadd ta’ knejjes f’Malta li qed jibbenefikaw mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com