Inawgurat Ir-Restawr Ta’ Parti Miz-Zuntier Tal-Bażilika Ta’ San Pawl Fir-Rabat

 Inawgurat Ir-Restawr Ta’ Parti Miz-Zuntier Tal-Bażilika Ta’ San Pawl Fir-Rabat

Infrastructure Malta lestiet proġett ta’ €350,000 biex tirrestawra u ssebbaħ parti miz-Zuntier madwar il-Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat. Dan il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt żjara fir-Rabat.

F’diskors tal-okkażjoni l-Ministru Ian Borg qal li “l-infrastruttura mhijiex biss it-toroq iżda anke spazji bħal dawn li jagħmlu parti mill-qalba ta’ kull belt jew raħal. Dan hu proġett fejn rajna li permezz tiegħu mmorru anka oltre fejn ħtafna l-opportunità li nippreservaw u anke nirrestawraw attrazzjonijiet storiċi li jagħmlu parti mill-wirt li ħallewlna missirijietna. Għalhekk ninsabu kommessi li nżommu l-impenn tagħna sabiex ġurnata wara l-oħra naraw li n-nies igawdu minn benefiċċji fuq diversi livelli kif ukoll naraw li tingħata l-infrastruttura meħtieġa u li tixraq.”

Ix-xogħlijiet jinkludu pavimentar ġdid, dawl dekorattiv u tħawwil ta’ 12-il siġra taż-żebbuġ u tlieta taċ-ċipress. L-aġenzija rrestawrat arkata tas-seklu 19 u tneħħew it-tiswijiet il-qodma tal-konkrit u reġgħu bnewha kompletament bil-ġebla tal-franka, b’mod li żamm mad-disinn oriġinali tagħha. Salib tal-ġebel u ornamenti oħra li kienu jiffurmaw parti mill-arkata oriġinali ġew integrati mill-ġdid fl-istruttura. Infrastructure Malta installat ukoll bieb ġdid tal-ħadid maħdum fuq stil simili għal wieħed eqdem fuq in-naħa l-oħra tal-Bażilika, li ġie rrestawrat ukoll. Dan kollu sar billi Infrastructure Malta ddiskutiet u kkoordinat ix-xogħlijiet kollha mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u mal-Parroċċa tar-Rabat li tamministra l-Bażilika, biex tissalvagwardja l-wirt taż-żona.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com