Ippreżentat Ir-Rapport Annwali Tal-Kummissjoni Għad-Drittijiet Tal-Persuni B’Diżabilità
Sa tmiem is-sena 2020 il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD) kellha reġistrati magħha 19,705 persuni b’diżabilità, bl-akbar ammont minnhom (15,268) b’diżabilità fiżika.
Dan jirriżulta mir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni għas-sena 2020 li ġie preżentat lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li, “Bħal kull settur ieħor, is-settur tal-persuni b’diżabilità kellu l-impatt li ħalliet, u għadha qed tħalli, il-pandemija COVID-19. Bħal kull entità oħra l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità kellha timmodifika u tadatta ħidmietha għal ċirkostanzi li d-dinja qatt ma kienet rat bħalhom qabel. Kellha tara kif tagħmel biex l-għan kruċjali tagħha, il-ħarsien tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, ma jintilef xejn minnu. Ir-Rapport Annwali juri li l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità rnexxielha, u qiegħed jirnexxielha, tagħmel dan.”
Il-Kummissarju Pace Gasan qalet li waqt pandemija l-Kummissjoni kompliet issaħħaħ ir-rwol tagħha f’dak li jirrigwarda ħarsien tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità. Spjegat li matul is-sena 2020, il-Kummissjoni rċeviet 475 ilment ta’ diskriminazzjoni jew abbuż – bl-akbar żieda riflessa fi kwistjonijiet ta’ impjieg, filwaqt li l-akbar tnaqqis kien fil-qasam edukattiv – kif ukoll 4,030 applikazzjoni għal ivvetjar fuq proġetti infrastrutturali, b’70% minnhom mhux approvati minħabba nuqqas ta’ konformità mal-Istandards għall-Aċċessibilità għal Kulħadd f’Ambjent Mibni. Permezz tat-Taqsima tal-Infurzar, għall-ewwel darba sar eżerċizzju ta’ ġbir ta’ madwar 2,160 blue badge li kienu skadew u baqgħu jintużaw fit-toroq.
Mir-Rapport Annwali jirriżulta wkoll li matul is-sena 2020 is-CRPD ħadmet fuq tliet proġetti ta’ riċerka: riċerka fuq is-sitwazzjoni kurrenti tal-persuni b’diżabilità u x-xogħol f’Malta; riċerka dwar servizzi ta’ interventi kmieni; u riċerka dwar l-għarfien ta’ kwistjonijiet ta’ diżabilità fost il-professjonisti.