“Ir-Rekord Ta’ Investiment Huwa L-Aqwa Konferma Li L-Familji U N-Negozji Għandhom Kunfidenza Kbira Fid-Direzzjoni Ta’ Pajjiżna.” – Il-PM

 “Ir-Rekord Ta’ Investiment Huwa L-Aqwa Konferma Li L-Familji U N-Negozji Għandhom Kunfidenza Kbira Fid-Direzzjoni Ta’ Pajjiżna.” – Il-PM

“Pajjiżna qabad it-triq ta’ rkupru b’ritmu verament b’saħħtu. Ir-riżultati li kellna din il-ġimgħa jingħaqdu ma’ indikaturi oħra li pajjiżna qabad ritmu ekonomiku b’saħħtu li qed jissarraf f’fiduċja fin-nies.”

F’intervista fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela spjega kif ir-riżultati li kellna din il-ġimgħa jingħaqdu ma’ ħafna sinjali oħra li kellna fl-aħħar xhur li juru li pajjiżna reġa’ qabad ritmu ekonomiku b’saħħtu.

“L-istatistika turi li għandna rekord ta’ investiment. Livelli ta’ investiment li qabeż sewwa dak ta’ qabel il-pandemija. Kważi 850 miljun ewro. 20% aktar mill-istess xhur tal-2019. Għalija din hija l-aqwa konferma li n-negozji għandhom kunfidenza kbira fid-direzzjoni ta’ pajjiżna.”

Robert Abela sostna wkoll kif fiż-żmien li ġej se jkompli l-investiment f’pajjiżna. Primarjament nibqgħu nikbru jekk nibqgħu nieħdu d-deċiżjonijiet. Bil-galbu, b’konsultazzjoni u billi nifhmu l-prijoritajiet tal-lum. Il-gvern irid ikollu l-kuraġġ li jagħti direzzjoni lejn dan il-pajjż.

“Dawn huma l-prinċipji li se jiggwidawna fit-tħejjija għal baġit li se jsir fil-11 ta’ Ottubru li ġej. Se jkun baġit li se jagħti sinjal ċar tal-prosperita l-ġdida li rridu nibnu fejn nibdew issa nagħtu l-ħajja strateġiji importanti li tkellimna dwarhom u ħejjejna fl-aħħar xhur.”

Robert Abela qal ukoll kif bejn April u Ġunju ta’ din is-sena, l-attivita’ ekonomika kienet 13.4% akbar minn dik irreġistrata fl-istess xhur sena qabel. Dan juri li pajjiżna ġej lura b’saħħtu mix-xokk li tat il-pandmeija. Xokk li ħassitu d-dinja kollha.

“Meta ġie x-xokk, għarafna nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin. Deċiżjonijiet li ħadnihom mhux waħedna, iżda man-nies, mal-imsieħba soċjali, mal-ħaddiema u ma’ min iħaddem.”

Il-Prim Ministru saħaq kif b’dawn in-numri, pajjiżna reġa’ laħaq il-livell ta’ ġid nazzjonali ta’ qabel l-2019, jiġifieri ta’ qabel il-pandemija. Mhux biss għelibna l-biżgħat iżda morna għal sitwazzjoni fejn qegħdin f’sitwazzjoni aħjar minn qabel il-pandemija.

“Wara l-kriżi tal-2008, pajjiżna kien dam għal 8 snin b’qgħad aktar għoli. Din id-darba domna sena u nofs biss.”

Il-Prim Ministru spjega kif Illum għandna ftit iktar minn 1,500 jirreġistraw għax-xogħol u meta kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kellna madwar 7,500. Ħames darbiet aktar mil-lum!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com