“Ir-Riforma Fis-Settur Tal-Bini U L-Kostruzzjoni Qed Tiżgura Industrija Aktar B’Saħħitha U Sostenibbli” – Il-Ministru Aaron Farrugia

 “Ir-Riforma Fis-Settur Tal-Bini U L-Kostruzzjoni Qed Tiżgura Industrija Aktar B’Saħħitha U Sostenibbli” – Il-Ministru Aaron Farrugia

“Ir-riforma kontinwa tas-settur tal-bini u l-kostruzzjoni qed tiżgura industrija aktar b’saħħitha u aktar sostenibbli li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u tipprovdi serħan tal-moħħ lill-familji kollha.”

Hekk stqarr il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt żjara f’sit ta’ kostruzzjoni flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni Karl Azzopardi.

Il-Ministru Farrugia qal li, bi tħejjija għal-liċenzjar ta’ kuntratturi, tnieda proċess ta’ reġistrazzjoni. Dan il-liċenzjar hu wieħed mill-pedamenti tal-impenn tal-gvern li jirregola din l-industrija u jimplimenta r-rifoma kif imwiegħed. B’hekk, se jkun qed jittieħed kont tal-ħidmiet eżistenti permezz tal-proċess ta’ reġistrazzjoni.

Il-Ministru Farrugia ħabbar ukoll li l-awtorità issa ġiet stabbilita uffiċjalment, hekk kif it-tranżizzjoni minn aġenzija tlestiet fl-aħħar jiem.

“It-twaqqif tal-awtorità hija parti waħda mir-riforma li għaddejja fis-settur tal-kostruzzjoni. It-twaqqif tal-awtorità kienet waħda mit-talbiet prinċipali mir-rapport ta’ inkjesta mmexxija mill-imħallef Lawrence Quintano. Din ir-riforma se tkompli timmodernizza, tissalvagwardja u ssaħħaħ l-industrija filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u tipprovdi serħan il-moħħ lill-familji kollha f’Malta u Għawdex,” tenna l-Ministru, waqt li semma numru ta’ miżuri mħabbra aktar kmieni din is-sena bħall-intensifikazzjoni tal-iskrutinju fuq il-method statements, żieda fl-ispetturi tal-bini u tal-kostruzzjoni, kif ukoll freephone ġdid għar-rappurtar ta’ irregolaritajiet.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius saħaq li b’konformità mal-wegħda elettorali, dawk l-entitajiet li jaħdmu fl-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni se jkunu inkorporati taħt umbrella waħda. “Għaldaqstant, illum nistgħu ngħidu li l-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini, il-bord għall-ħruġ tal-liċenzji tal-bennejja u l-bord li jirregola l-bini qegħdin jiffunzjonaw fi ħdan l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni. L-għan aħħari dejjem kien, sa minn żmien meta saret din il-wegħda, li b’mod gradwali u organizzat issir it-trasformazzjoni meħtieġa biex din l-industrija tesperjenza tibdiliet li jwasslu biex kull min jopera fiha jinduna li l-affarijiet jeħtieġ li jsiru dejjem b’mod professjonali u b’responsabbiltà’,” kompla s-Segretarju Parlamentari.

Il-Kap Eżekuttiv tal-BCA Karl Azzopardi qal li “Minn meta tnediet l-awtorità, il-fergħa eżekuttiva ma tilfitx iż-żmien u għalhekk bdiet tfassal l-identità tal-awtorità, il-viżjoni tagħha, u l-istrateġija lejn it-trasformazzjoni tas-settur. L-istrateġija hija bbażata fuq iż-żieda tal-istandards permezz ta’ regolamenti ġodda u aġġornati, kif ukoll inizjattivi edukattivi, speċjalment dawk relatati ma’ suġġetti vokazzjonali. Il-kompetenzi tal-awtorità fl-aħħar mill-aħħar għandha l-għan li tkun il-katalista għat-trasformazzjoni tas-settur, bl-industrija nnifisha ssir is-sewwieq biex tmexxi l-bidla u tieħu l-opportunitajiet li għandha quddiemha u li essenzjalment għandhom iwasslu għal bini aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com