“Irridu Nkunu Fuq Quddiem Nett Biex Nilqgħu Għall-Isfidi Li Qed Iġib Miegħu T-Tibdil Fil-Klima” – Robert Cutajar

 “Irridu Nkunu Fuq Quddiem Nett Biex Nilqgħu Għall-Isfidi Li Qed Iġib Miegħu T-Tibdil Fil-Klima” – Robert Cutajar

“Irridu pajjiż li jkollu ambizzjoni li nkunu fuq quddiem nett bl-eżempji u l-azzjonijiet tagħna biex nilqgħu u ngħelbu l-isfidi li qed u se jkompli jġib it-tibdil fil-klima”.

Dan qalu Robert Cutajar  il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima waqt laqgħa li saret ma’ Xandru Cassar iż-żagħżugħ ambaxxatur u r-rappreżentant Malti għall-Summit Internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima li ser issir f’Milan lejn l-aħħar ta’ Settembru. Għal laqgħa kien hemm preżenti membri mill-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista kif ukoll minn Teamstart.

Robert Cutajar qal li l-Oppożizzjoni ser tkun qed tressaq proposti konkreti u fattibbli dwar it-tibdil fil-klima waqt il-konferenza Nazzjonali msejħa mill-Kap tal-PN Bernard Grech li l-PN ser ikun qed jorganizza fil-jiem li ġejjin.

Sostna li minkejja li mill-Oppożizzjoni, l-Partit Nazzjonalista jibqa’ determinat li jressaq is-soluzzjonijiet li jiggarantixxu kwalitá ta’ ħajja aħjar lill-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri biż-żgħażagħ ikunu fost il-protagonisti ewlenin f’din il-mixja li ser tkun tfisser ħarsien sħiħ lejn l-ambjent ta’ pajjiżna.

Xandru Cassar spjega li waqt dan is-summit se jiġu ppreżentati dokumenti dwar it-tibdil fil-klima u li min-naħa tiegħu kien qed iħares ‘il quddiem sabiex jikkontribwixxi f’isem pajjiżna waqt dan is-summit. Hu stqarr li jemmen bis-sħiħ li ż-żgħażagħ Maltin għandhom potenzjal fil-kontribut li Malta tista tagħti f’dan il-mument tal-prova għall-isfidi li qed tpoġġilna t-tibdil fil-klima.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com