“Is-Sajjieda Maltin Qed Jerġgħu Jinsterqu Minn Sajjieda Barranin…” – Il-PN
Is-sajjieda Maltin jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum tagħhom primarjament mll-istaġun tal-lampuki u sajd ieħor staġjonali.
Wara pressjoni mill-Partit Nazzjonalista li l-esponenti tiegħu tkellmu wkoll mal-Kummissjoni Ewropea għal għajnuna minn patrol boats Ewropej, il-Gvern is-sena l-oħra wiegħed li jkun hemm sorveljar taz-zoni tas-sajd affettwati. Beda staġuni ieħor u s-sajjieda qed jirrapportaw l-istess problemi u mhux qed jaraw preżenza tal-forzi armati u lanqas qed iħossu l-ebda wens mill-Gvern meta dawn jirrapportaw sajd illegali. Hekk intqal fi stqarrija mill-Partit Nazjonalista.
Intqal li l-gvern jeħtieġ jinvoka s-setgħat tiegħu fil-kuntest tal-Konvenzjoni Internazzjonali tas-Sajd fil-Mediterran u jara li pajjiżi oħra jagħmlu infurzar kif meħtieġ fuq opri tal-baħar reġistrati magħhom.
“Il-veritá hi li illum dan l-għixien tas-sajjieda Maltin u Għawdxin huwa kontinwament mhedded minn sajjieda barranin li jistadu llegalment f ‘ibħra Maltin u dan b’detriment kbir għall-għixien tas-sajjieda tagħna.
Il-gvern issa ilu snin jwiegħed li ser jipproteġi lis-sajjieda Maltin anke bl-assistenza ta’ opri marittimi tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Iżda llum jirriżulta li dawn il-wegħdi qatt ma ssarfu u llum, għal staġun ieħor l-għixien tas-sajjieda tagħna jinsab mhedded.” Hekk tkompli tgħid l-istqarrija.
L-oppożizzjoni Nazzjonalista tinsisti u tappella lill-Gvern sabiex mill-Kliem u wegħdi fierghha jgħaddi għall-fatti.
Temmet billi qalet li s-sajjieda tagħna ħaqqhom l-protezzjoni kollha li jixirqilhom u dan anke sabiex jżommu u ħajja din l-industrija tant importanti għal pajjiżna.
Ritratt: Tvm.com.mt