Is-Single L-Ġdida Ta’ Jessica Magro B’Messaġġ Li Tista’ Tkun ‘Perfettament Imperfett’
Wara l-kanzunetta tagħha ‘Break the Silence’ is-sena li għaddiet, il-kantanta Jessica Magro reġgħet lura fuq ix-xena mużikali lokali bis-single ġdida tagħha ‘Natural’.
Il-kanzunetta, bil-lirika u mużika ta’ Magro stess, għandha tifsira speċjali għaliha.
“Inħobb nikteb kanzunetti li huma relatabbli u kurrenti, filwaqt li noħloq ħoss modern u uniku,” tispjega Jessica, “Kelli l-ħsieb ħafna drabi li nikteb kanzunetta dwar dan is-suġġett. Imbagħad ġurnata waħda kont qed nilgħab bl-ideat… u l-kor ta’din il-kanzunetta daħlitli f’moħħi. Minn hemm ‘il quddiem, komplejt nibni l-kanzunetta għal dik li hi llum.”
Il-messaġġ tal-kanzunetta hi li m’għandniex bżonn nibdlu xejn dwarna nfusna – aħna perfetti eżatt kif aħna.
“Kull darba li nisma’ din il-kanzunetta, infakkar lili nnifsi li jien m’għandix bżonn ngħatti lili nnifsi bl-irtokk u ‘glam’ biex nuri min jien. Nemmen li ħafna nies jistgħu jirrelataw ma’ dan il-messaġġ,” tgħid Jessica.
Hekk kif tmur il-lirika ta’ ‘Natural’: ‘Why? Do we crave perfection. Why? Nothing is enough?’
“Kultant ninsew li l-personalità tagħna hija dik li tagħmlilna uniċi. M’għandniex nibżgħu li nkunu ‘perfettament imperfetti’,” tgħid Jessica.
Apparti mill-kanzunetta, Jessica nediet wkoll vidjo mużikali li nġibed f’diversi lokalitajiet madwar Malta.
“Wieħed mill-postijiet li se taraw fil-vidjo huwa Il-Ponta tal-Munxar f’Marsascala. Sa ftit xhur ilu, lanqas kont naf li kien jeżisti dan il-post tant sabiħ!” tammetti Jessica, “Użajna ukoll dar abbandunata u kwartieri militari f’Għajn Tuffieħa biex nuru li, għalkemm kull wieħed minna għandu imperfezzjonijiet u karatteristiċi uniċi, xorta aħna ‘sbieħ’.”
Il-produzzjoni, l-editjar u l-mastering ta’ ‘Natural ’kienu f’idejn Matteo Depares u James Oliver. Marlon Polidano kien il-vidjografu u l-editur tal-vidjow mużikali, filwaqt li Gabriel Piscopo ħa l-filmati tad-drone. Il-ħwejjeġ ta ’Jessica ġew minn YAB, bl-irtokk f’idejn Maria Attard.
Jessica bdiet tkanta fl-2002. Kienet ir-rebbieħa tal-festival Għanja tal-Poplu tal-2017, u din hija t-tielet single oriġinali tagħha, wara ‘Fearless’ fl-2019 u ‘Break the Silence’ fl-2020.
Ritratt: Clint Gerald Attard