“It-‘Take Home Pay’ Tal-Pulizija Se Titnaqqar B’Detriment Għall-Għejxien Tagħhom U Tal-Familji” – Il-PN

 “It-‘Take Home Pay’ Tal-Pulizija Se Titnaqqar B’Detriment Għall-Għejxien Tagħhom U Tal-Familji” – Il-PN

“L-għoli tal-ħajja jħossu kulħadd, l-iktar dawk il-ħaddiema u l-familji li għandhom dħul baxx jew inqas mill-medja,” hekk saħqu Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami u Ivan Castillo fi stqarrija f’isem il-Partit Nazzjonalista.

“L-ajma tal-ogħli tal-ħajja tinħass iktar meta l-ħaddiem titnaqqarlu il-possibilità li jaħdem biex itejjeb l-introjtu għalih jew il-familja,” saħaq il-PN, filwaqt li ntqal li dan hu li qed jiġri fil-Korp tal-Pulizija meta t-tmexxija tal-Korp b’mod arbitrarju ddeċidiet li ma taċċettax iktar li l-membri tagħha jagħmlu xogħol marbut ma mmaniġġjar tat-traffiku relatat ma’ kostruzzjoni jew f’każi ta’ toroq magħluqin jew aċċess ristrett.

“Dan ifisser li t-take home pay tal-pulizija se titnaqqar b’detriment għall-għejxien tagħhom u tal-familji,” tennew il-kelliema tal-PN.

Il-Partit Nazzjonalista qal “li inutli l-pulizija ta’ Malta huma rappreżentati f’unjins iżda mbagħad it-tmexxija tal-korp tiddeċiedi affarijiet li jolqtu l-but tal-pulizija mingħajr konsultazzjoni. Din il-konsultazzjoni meħtieġa la saret maż-żewġ unjins, aħseb u ara mal-kuntistabbli li safa’ milqut b’din id-deċiżjoni.”

Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami u Ivan Castillo fl-istqarrija esprimew solidarjetà mal-Pulizija milquta b’din id-deċiżjoni. Huma qalu li l-Korp tal-Pulizija għadu fiċ-ċans li jkompli jtejjeb l-għejxien tal-membri tiegħu billi jimmaniġġja aħjar it-talbiet għax-xogħol li għandu u l-membri jieħdu il-massimu ta’ dak li hu possibbli.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com