It-Tiġrijiet Tar-Regatta Fil-Vitorja Mhux Se Jsiru – Rabja Kbira Mid-Dilettanti
Id-dilettanti tar-Regatta jinsabu rrabjati hekk kif uffiċjalment ħarġet l-aħbar li t-tiġrijiet ta’ Jum il-Vitorja mhux se jsiru.
Fi stqarrija bejn it-8 klabbs membri tal-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif ieħor intqal li jinsabu ddispjaċuti li huma ġew injorati mill-Gvern u mill-awtoritajiet, kontra ta’ setturi oħra.
L-Għaqda saħqet li minkejja li s-sena l-oħra r-Regatta ta’ Settembru kienet organizzata skond il-protokolli mill-awtoritajiet tas-saħħa, wara li l-Għaqda anke ppreżentat ‘risk assessment’, ir-Regatta ta’ Settembru li ġej kif ukoll dik ta’ taħt it-18-il sena ma ngħatawx permess li jsiru.
Intqal ukoll li l-Għaqda tħossha ddiskriminata għaliex pruvaw jagħmlu laqgħat mal-awtoritajiet tas-saħħa u sfaw injorati.
Protesta li kienet se ssir fil-ġimgħa li għaddew, ġiet imħassra wara aħbar ta’ mewt marbuta mal-Covid-19 iżda mistennija li ssir xorta waħda fil-jiem li ġejjin.
Ritratt: CarniFest.com