Jibdew Ix-Xogħlijiet Fil-Pjazza Tal-Munxar B’Investiment Ta’ €700,000
Waqt żjara li għamel fil-Pjazza tal-Munxar, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li bdew ix-xogħlijiet sabiex tiġi riġenerata din il-pjazza. Il-Ministeru għal Għawdex, permezz ta’ ftehim mal-Kunsill Lokali tal-Munxar, se jkun qiegħed jgħin finanzjarjament lill-istess kunsill sabiex jimplimenta dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni.
Il-Ministru Camilleri qal li, “Permezz ta’ din l-għajnuna, li tlaħħaq is-somma ta’ madwar €700,000, se ssir ir-riġenerazzjoni tal-pjazza – se jinbena ġibjun għall-ilqugħ tal-ilma, se jsir pavimentar ġdid, se ssir l-installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dawl effiċjenti, sistema ġdida ta’ irrigazzjoni, u se ssir ukoll l-introduzzjoni ta’ siġar indiġeni, fost affarijiet oħra.”
Is-Sindku tal-Munxar Damien Spiteri rringrazzja lill-ministru għall-għajnuna kontinwa tiegħu u stqarr li dan ir-raħal issa se jkollu l-pjazza li tixraqlu.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li dan ser ikun proġett li se jagħti dehra ġdida liċ-ċentru tar-raħal u se jagħmel il-pjazza aktar aċċessibbli biex b’hekk din tkun tista’ titgawda mir-residenti u mill-pubbliku.
Ritratti: MGOZ