Jirritorna Il-Festival Science In The City B’Format Hybrid

 Jirritorna Il-Festival Science In The City B’Format Hybrid

Din is-sena, il-festival tax-xjenza Science in the City se jsir fuq bażi hybrid, li jfisser li se jkun taħlita ta’ avvenimenti fiżiċi u diġitali li jwasslu għall-avvenimenti ewlenin li se jsiru fuq jumejn fl-24 u fil-25 ta’ Settembru. It-tema ta’ din is-sena se tkun ‘Sowing Seeds’.

It-terminu ‘Sowing Seeds’ jirreferi għall-għan tal-festival li jifrex l-għeruq tiegħu fis-soċjetà tagħna kif ukoll jintroduċi element ta’ Riċerka u Innovazzjoni Responsabbli (RRI) fost ir-riċerkaturi u ċ-ċittadini. It-tema ta’ din is-sena tibni fuq il-festival tas-sena l-oħra li kien dwar l-involviment taċ-ċittadini sabiex permezz tax-xjenza u tal-arti jibdew jaħsbu b’mod aktar kritiku u jkunu aktar kreattivi u innovattivi.

‘Sowing Seeds’ għandu l-għan li jwassal biex il-pubbliku jieħu rwol iżjed attiv fit-tiswir tal-futur ta’ pajjiżna. Science in the City se jgħaqqad flimkien l-industrija, il-gvern, iċ-ċittadini u r-riċerkaturi biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed niffaċċjaw bħala nazzjon u mal-bqija tad-dinja. L-importanza ta’ din ir-responsabbiltà ser tiġi enfasizzata billi l-artisti u x-xjentisti jiġu mħeġġa joffru attivitajiet li jinvolvu liċ-ċittadini permezz ta’ workshops u ta’ gruppi ta’ diskussjoni biex flimkien ikollhom l-opportunità li jsemmgħu leħinhom.

Fid-diskors tiegħu fl-okkażjoni tat-tnedija tal-festival ta’ din is-sena, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici qal li, “Ir-riċerka u l-innovazzjoni responsabbli huma kruċjali għall-benesseri soċjoekonomiku f’Malta u dan il-festival huwa mod tajjeb ħafna kif wieħed jeduka u jqajjem kuxjenza dwar dan fost il-pubbliku ġenerali”.

“Il-gvern huwa impenjat li jkompli jaħdem biex isostni l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, speċjalment wara li esperjenzajna l-benefiċċji tagħhom bħala pajjiż matul il-perjodu tal-pandemija”, żied il-ministru.

Il-ministru spjega li l-festival tax-xjenza huwa opportunità importanti għax-xjenzati u għall-artisti biex jingħaqdu flimkien fi sforz biex ix-xjenza titqarreb lejn il-komunità.

Il-Forti Sant’Iermu fil-Belt Valletta ġie identifikat bħala l-aktar post adattat biex isiru l-attivitajiet fiżiċi b’rispett lejn il-regolamenti tal-awtoritajiet tas-saħħa. Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jinteraġixxu mar-riċerkaturi u mal-artisti permezz ta’ arti tat-toroq, laboratorji, mużika, żfin, installazzjonijiet, logħob, wirjiet, taħditiet, esperimenti interattivi u għadd ta’ attivitajiet oħra. Fi sfond ta’ pandemija, din is-sena l-festival se jkun iffukat aktar fuq l-udjenza onlajn. Il-viżitaturi onlajn jistgħu jieħdu sehem f’webinars, f’kompetizzjonijet, f’esperimenti li jistgħu jsiru mid-dar, f’wirjiet, f’online escape rooms u f’avvenimenti oħra tal-arti u x-xjenza hybrid jew diġitali.

Għall-avvenimenti fiżiċi, wieħed jeħtieġ li jibbukkja minn qabel u l-viżitaturi jeħtieġ li jippreżentaw ċertifikat tal-vaċċin skont ir-regoli tal-awtoritajiet tas-saħħa. Numru ta’ ushers se jkunu disponibbli biex jiżguraw li l-miżuri tas-saħħa meħtieġa jiġu osservati.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com