L-ACN Appoġġat 67 Proġett Wara L-Isplużjoni F’Bejrut

 L-ACN Appoġġat 67 Proġett Wara L-Isplużjoni F’Bejrut

Għaddiet sena minn meta fl-4 ta ‘Awwissu 2020, 2,750 tunnellata ta’ nitrat tal-ammonju splodew f’maħżen fil-port ta’ Bejrut, fil-Libanu. Din kienet l-akbar splużjoni mhux nukleari magħrufa li qatt seħħet fid-dinja.  Ħalliet aktar minn 200 persuna mejta, 6,500 midruba u kważi 80,000 dar u bini meqrud parzjalment jew kompletament. L-ebda dar, l-ebda ħanut, l-ebda istituzzjoni f’Bejrut ma ħelsitha mill-ħsarat li kkaġunat. L-intensità tal-isplużjoni kienet tant qawwija li saħansitra nħasset f’Ċipru, aktar minn 240 km ‘il bogħod. F’sekonda, saret iktar ħsara f’Bejrut milli matul is-snin kollha ta’ gwerra ċivili.

L-Aid to the Church in Need (ACN) għadha kemm ħarġet rapport dwar ix-xogħol u l-assistenza li wettqet f’dawn l-aħħar 12-il xahar f’Bejrut. L-ACN appoġġat 67 proġett, inklużi 19-il proġett ta’ rikostruzzjoni, biex ittaffi xi ftit is-sitwazzjoni kritika preżenti f’dik il-belt. L-iktar xogħol urġenti sar biex ikun żgurati l-istrutturi tal-bini, iżda dan il-bini għad irid ikun restawrat sew biex jerġa jsir abitabbli kif kien qabel l-isplużjoni.

L-ACN ipprovdiet wkoll għajnuna ta’ emerġenza u sostenn, inklużi pakketti ta’ ikel għal 5,000 familja Libaniża u appoġġ għat-trasport għal voluntiera li, ta’ kuljum, iqassmu ikel lil aktar minn 560 persuna ta’ twemmin differenti. Assistenza medika għall-Covid-19 fil-forma ta’ magni tan-nifs kienet offruta wkoll lill-familji. Ċentru tal-ittestjar u respiraturi kienu ipprovduti wkoll mill-ACN fil-lokalità ta’ Zahle.

Barra minn hekk, permezz tal-ACN, filwaqt li tirrifletti t-tifsira vera ta’ umanità u dinjità, is-St John the Merciful Table tipprovdi 1,500 ikla kuljum għal refuġjati u familji Libaniżi vulnerabbli. Madwar 100 familja fil-Wied ta’ Bekaa u 500 familja oħra fi Tripli ngħataw ikel u prodotti għall-kura personali.

Stephen Axisa, id-direttur nazzjonali tal-ACN (Malta) qal li “l-ACN irċeviet ittri ta’ apprezzament tal-għajnuna prattika li nagħtu lin-nies, mhux biss f’Bejrut, iżda wkoll f’reġjuni Libaniżi oħra li kienu affettwati wkoll mill-isplużjoni tal-4 ta’ Awwissu. Din seħħet meta l-pajjiż kien diġà għaddej mill-emerġenza tal-Covid-19, kif ukoll minn kriżi ekonomika u politika li qed ifarrak lill-poplu Libaniż. Nirringrazzjaw b’mod partikolari lill-benefatturi tagħna għax permezz tad-donazzjonijiet tagħhom, għajnuna immedjata u effettiva ngħatat kontinwament f’din is-sitwazzjoni kritika matul dawn l-aħħar 12-il xahar. Flimkien, mat-22 uffiċċju l-ieħor tal-ACN madwar id-dinja, għamilna d-differenza, imma l-iktar importanti hu li qed inisslu ftit tat-tama fejn din l-isplużjoni ma ħalliet xejn.”

Sfortunatament, minkejja dan l-impenn kollu mill-ACN, is-sitwazzjoni sejra għall-agħar. Hemm bżonn ta’ aktar għajnuna, għaliex minħabba l-pandemija u l-kriżi ekonomika, in-numru ta’ familji fil-bżonn qiegħed jiżdied.

Is-sur Axisa qal li “il-Libanu qed jesperjenza effett ‘domino’ negattiv. Dak li kien ilu għaddej minnu f’dawn l-aħħar snin, issa sar aktar ikkumplikat bl-isplużjoni u l-pandemija.  Dawn il-kwistjonijiet negattivi kollha qed jirriżultaw f’familji tal-klassi tan-nofs li qegħdin jiżżerżqu fil-faqar, filwaqt li l-foqra qed isiru ifqar. L-ACN trid tgħin lil-Libaniżi b’mezzi prattiċi kemm jista’ jkun. F’dan ir-rigward, l-ACN diġà għamlet pjani biex tassisti aktar lil dawn in-nies għax temmen li aktar persuni

ta’ qalb tajba se jersqu biex jagħtu ftit minn dak li għandhom ħalli b’hekk jixxuttaw id-dmugħ tal-Libaniżi u jnisslu fihom aktar tama għal futur aħjar.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com