L-Air Show F’Malta Tirritorna F’Settembru Wara Nuqqas Ta’ 3 Snin

 L-Air Show F’Malta Tirritorna F’Settembru Wara Nuqqas Ta’ 3 Snin

Wara nuqqas ta’ 3 snin l-air show f’Malta tirritorna fil-25 u s-26 ta’ Settembru li ġej.

Dan ġie mħabbar dalgħodu f’konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie konfermat li l-wirjiet fl-ajru ħa jkunu qed issir tul il-kosta tal-Qawra filwaqt li l-wirja statika tal-ajruplani ħa tkun qed isir f’Park 4 tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Avjazzjoni Maltija, Joe Ciliberti qal li din is-sena se tkun waħda speċjali għaliex din is-Soċjetà qed tiċċelebra l-ħamsa u għoxrin anniversarju tagħha. Qal ukoll li, “Wara nuqqas ta’ tliet snin hemm entużjażmu enormi, fejn hemm ħafna nies ġodda, uċuh ġodda li huma affarijiet kollha li jawguraw li l-futur ta’ dan l-avveniment huwa kważi assigurat.”

Joe Ciliberti tenna li din is-26 edizzjoni ġabet magħha sfidi kbar minħabba l-kuntatti li sfaxxaw kawża tal-pandemija, tant li s-soċjetà kellha kważi kważi tibda mill-bidu.

Il-Ministru tat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li r-ritorn ta’ dan l-avveniment huwa turija li qbadna t-triq għan-normalità. Qal ukoll li “dan kollu qed isir b’rispett lejn il-protokolli maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika sabiex niżguraw li nkomplu nilħqu bilanċ bejn l-ekonomija u l-ħajja tan-nies u nimxu lejn in-normalità.”

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza, Alex Muscat, qal li permezz tal-fond Komunità Malta se tkun qed tagħti appoġġ finanzjarju ta’ €50,000 biex mill-ġdid isir l-air show. Huwa qal li “Qed ninvestu mill-ġdid f’din in-niċċa ekonomika għax fl-aħħar mill-aħħar is-settur tal-avjazzjoni hija niċċa ekonomika importanti.” Żied jgħid li attività bħal din tiġġenera interess fis-settur tal-avjazzjoni, apparti l-kummerċ li tiġġenera.

Ritratt: Paul Johnson

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com