L-Awtorità Tal-Ippjanar Tiffinanzja Proġett Ta’ Aċċess Pedonali Fil-Bajja Tal-Balluta

 L-Awtorità Tal-Ippjanar Tiffinanzja Proġett Ta’ Aċċess Pedonali Fil-Bajja Tal-Balluta

It-taraġ għal aċċess pedonali Joe Attard Kingswell, li huwa rotta popolari użata minn ħafna biex jaqsmu mit-tarf ta’ fuq taż-żona residenzjali tal-Balluta sal-bajja, se jinbidel f’wieħed li jiġbed l-għajn.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia flimkien maċ-Chairperson tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) Martin Saliba u mas-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg.

Il-ministru spjega li dan il-proġett qed jiġi ffinanzjat kompletament mid-Development Planning Fund tal-PA u se jiswa madwar €450,000.

Id-disinn mill-ġdid taż-żona se joħloq valur arkitettoniku għall-medda tat-triq u tat-turġien li sal-lum m’għandhomx valur estetiku. Il-proġett se jinkludi skema ta’ landscaping li se tkun qed tibdel l-inklinazzjoni wieqfa tal-art eżistenti bl-użu ta’ għadd ta’ terazzini li jsegwu l-madwar tas-sit. L-iskema se tinkorpora wkoll water-feature li tinżel it-tul kollu tas-sit u tinkludi pavimentar li ma jiżloqx u bankijiet tal-injam flimkien ma’ soft landscaping fiż-żoni mtarrġa li se jinħolqu. Se jkun installat ukoll chair lift.

Is-sit jinsab bejn żewġ binjiet li huma skedati: ringiela ta’ djar ta’ Grad 2 u l-Knisja tal-Balluta (Grad 1) u l-binja ikonika Balluta Building ta’ Grad 1 li kienet iddisinjata mill-perit magħruf Malti Giuseppe Psaila.

Il-Ministru Farrugia tenna li qed isiru bosta investimenti fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja u s-sostenibbiltà ambjentali, anke permezz tad-DPF. “Qed naħdmu biex noħolqu ambjent abitabbli u komunitajiet kuntenti. Permezz ta’ diversi inizjattivi, qed ninħejju ambjent urban aktar b’saħħtu”.

Martin Saliba, iċ-Chairperson tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, qal, “L-għan tad-DPF huwa li jipprovdi l-appoġġ finanzjarju biex niżguraw li proġetti ambizzjużi tal-komunità kemm żgħar kif ukoll kbar ma jdumux ma jsiru imma jitwettqu biex itejbu l-kwalità tal-ħajja fi ħdan l-ibliet u l-irħula tagħna.”

Is-Sur Saliba kkonkluda li, “Aħna għażilna li niffinanzjaw dan il-proġett għax jgħaqqad id-disinn urban ta’ kwalità tajba ma’ infrastruttura ħadra u aċċessibbiltà pedonali aħjar. Il-pajsaġġ jirrispetta wkoll il-karattru urban taż-żona li tgħaqqad bini storiku ta’ kwalità għolja ma’ arkitettura aktar moderna”. L-Awtorità tikkommetti wkoll li tiffinanzja ħames proġetti oħra ta’ tisbiħ fi tliet lokalitajiet oħra għall-valur ta’ €433,000.

Fil-lokalità tal-Mosta, l-Awtorità se tinvesti biex jiġu rranġati żewġ ġonna pubbliċi u l-pavimentar mill-ġdid ta’ sqaq pedonali qrib il-viċinanzi tal-grawnd tal-futbol tal-Mosta. Fi Ġnien Grognet de Vasse li jinsab fiż-żona Tal-Blata l-Għolja u l-Ġnien tal-15 ta’ Ottubru fiż-żona magħrufa bħala L-Ħotba ta’ Żokrija, l-Awtorità se tkun qed tiffinanzja, b’investiment ta’ €288,000, tagħmir ġdid tal-bitħa, art tal-gomma u xogħlijiet oħra ta’ tisbiħ biex dawn l-ispazji miftuħa jkunu attraenti, moderni u siguri.

Il-PA qablet ukoll li tiffinanzja €95,000 għar-rikostruzzjoni ta’ passaġġ ġdid tul Triq il-Kappillan Mifsud fil-Ħamrun. Din it-triq fil-viċinanzi tal-Liċeo hija waħda li tgħaqqad il-Ħamrun ma’ Santa Venera.

F’Għawdex, il-PA se tkun qed tiffinanzja €40,000 għal xogħlijiet ġodda ta’ pavimentar u tisbiħ fi Triq il-Kunċizzjoni fil-Qala.

Mill-bidu tad-DPF, il-PA pprovdiet fondi għal aktar minn 140 proġett, ekwivalenti għal €15-il miljun.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com