“L-Ebda Attakk Faxxista M’Hu Ser Iwaqqafna” – Repubblika
“L-attakki fuq Repubblika f’dawn l-aħħar siegħat jikxfu sentimenti u attitudni faxxisti. Ma tista’ issejħilhom bl-ebda mod ieħor. M’hawnx post għal dawn it-tip ta’ attakki f’demokrazija. L-individwi li wettquhom għandhom jagħmlu apoloġija pubblika minnufih.” Hekk qal il-President tal-Għaqda Repubblika Robert Aquilina f’reazzjoni wara l-kummenti li ħareġ fil-midja soċjali l-kandidat Għawdxi tal-PN Alex Borg.
F’messaġġ twil li Aquilina kiteb fuq il-mezzi soċjali tiegħu jgħid li pajjiżna diġà għex sitwazzjoni fejn persuna ġiet iżolata politikament u istituzzjonalment u ftit wara inqatlet.
L-Għaqda Repubblika tgħid li mhux ser jippermettu li din l-attitudni faxxista terġa’ isseħħ u tibqa’ inċensurata.
Fil-messaġġ Aquilina f’isem ir-Repubblika kompla jgħid li l-Għaqda ma tħares lejn wiċċ ħadd. “Nikkritikaw kull fejn fil-kuxjenza tagħna naraw li jkun sar ħażin. Aħna la noħorġu għal elezzjonijiet u lanqas nagħmlu kalkoli elettorali. Min ma jridx jaċċetta din ir-realtà għandu bżonn jeżamina l-kredenzjali demokratiċi tiegħu”, tenna Robert Aquilina.
“Ħa nagħmilha ċara li Repubblika m’hi satellita ta’ ħadd.” Robert Aquilina kompla jitkellem dwar dawk li għaddew minnu membri tal-Għaqda f’dawn l-aħħar snin fost attakki u insulti li qalgħu għax-xogħol volontarju li jagħmlu huma, anke f’mumenti meta kellhom għassa ta’ pulizija magħhom minħabba theddid.
Robert Aquilina saħaq li mhux aċċettabbli li jsiru stqarrijiet ta’ kundanna bħal ma saru kontra s-Soċjetà Ċivili, meta dawn sempliċiment qed jaqdu d-doveri tagħhom li jsemmu leħinhom.
Repubblika talbet sabiex min għamel dawn il-kundanni għandu jagħmel apoloġija u jerfa’ ir-responsabbiltà’ tagħhom, partikularment meta dawn ikunu magħmula minn persuni li qed ikopru jew qed jaspiraw li jkopru karigi pubbliċi.
Aquilina kompla jsostni li meta “fl-2019 għal xahrejn abbandunajna xogħolha biex keċċejna Prim Ministru korrott u dawk ta’ qribu, lil dawn it-talin lanqas b’nemes ma kont tarahom f’xi protesta. Aħseb u ara kemm taw daqqa t’id favur il-ġustizzja f’pajjiżna.”
Il-President tal-Għaqda Repubblika Robert Aquilina temm il-messaġġ tiegħu billi qal li lbieraħ filgħaxija stess huwa ċempel lill-kandidat Alex Borg biex jkellmu fuq dak li kien kiteb. Minn naħa l-oħra Alex Borg qallu li huwa jemmen li min irid jiġġieled għas-sewwa f’pajjiżna m’għandux jifforma u jimmilita f’NGO’s, iżda għandu jingħaqad mal-PN. “Qalli li min bħalna jaħdem f’NGO qed itellef u mhux jgħin. Dan m’hu xejn ħlief faxxiżmu”, temm jgħid Aquilina.