“L-Oppożizzjoni Bħal Dejjem Ħsiebha Biss Biex Tbigħ Narrativa Li Meta Kienet Fil-Gvern Hi Kollox Kien Sew” – Il-PM
“Mexxejna bl-eżempju fil-mod kif iġġilidna u qed niġġieldu l-pandemija, u anke hawn filwaqt li konna ċari mill-bidu li wieħed irid jaġixxi b’kawtela u ma jagħmilx wegħdi fiergħa. X’ħin ġie l-mument li kellna r-riżorżi biex nassistu għamilna dan minnufih.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela fejn spjega kif il-programm ta’ tilqim f’pajjiżna żviluppa b’mod b’saħħtu f’pajjiżna tant li konna f’pożizzjoni komda biex nassistu l-ġirien tagħna tal-Libja billi għamilna għotja ta’ 40,000 doża ta’ vaċċin u 40,000 rapid test.
“Id-dinja għaddejja minn sfidi kbar u iktar ma l-pajjiżi jaħdmu flimkien biex ngħelbuhom iktar nistgħu nkunu suċċess.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar kif pajjiżna se jqum għall-okkażjoni fl-isfida tat-tibdil fil-klima.
“Hemm ħafna iktar li rridu nagħmlu. Għalkemm hemm fejn diġa’ għamilna jew bdejna nagħmlu bidliet importanti.
Per eżempju mhuwiex kumbinazzjoni li llum aħna l-inqas pajjiż li jniġġeż fl-Unjoni Ewropea għal kull persuna. Sar għax neħħejna ż-żjut li jniġġżu fil-produzzjoni tal-enerġija u morna għal sorsi bħal gass. Il-pjani li għandna għal ġejjieni jkomplu jnaqqsu l-emissjonijiet, fosthom bl-inizjattiva li ħabbarna tat-tieni interconnector. Meta qed ngħidu li neħħejna għal kollox il-faħam u l-HFO, qed nitkellmu fuq xi ħaġa li f’pajjiżi Ewropej oħra għad hemm min m’għamiliex.
Jien nemmen li fit-tibdil fil-klima bħala pajjiż irridu naħdmu ħafna bħala ‘tim’, awtoritajiet, settur privat u individwi.”
Robert Abela saħaq ukoll kif jeħtieġ li nibqgħu ninċentivaw lill-privat bil-għan li jkunu aktar komdi li jagħmlu l-għażliet li huma aktar ambjentalment sensibbli.
“Jekk insemmi l-iskemi biex wieħed jinvesti f’enerġija alternattiva, fl-aħħar xhur erġajna urejna din ir-rieda. Tajna l-ikbar pakkett ta’ inċentivi u rranġanja anke ftehimiet ta’ feed in tariffs nofs kedda ta’ żmien amministrazzjoni preċedenti. Għax irridu li l-investiment li jkun sar irendi u jkun sostenibbli.
L-istess għamilna b’inċentivi qawwija għax-xiri ta’ karozzi elettriċi u solar water heaters biex nagħti żewġ eżempji biss oħra.
Għax meta nitkellmu fuq dan is-suġġett qed nitkellmu dwar kif ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum. Għalhekk l-emfasi wkoll fuq modal shifts fejn jidħol it-trasport b’iktar konettività bil-baħar per eżempju. Kif għandna fil-portijiet u kif introduċejna bejn Malta u Għawdex.
Għalhekk ukoll l-inċentivi biex jintuża iktar it-trasport pubbliku, b’aċċess b’xejn għal eluf ta’ studenti u anzjani.
Issa morna pass oltre bix-xogħol li qed nagħmlu biex it-trasport pubbliku jkollu flotta elettrika.
Issa filwaqt li nieħdu dawn l-inizjattivi kollha hemm kontinwament għażliet li wieħed irid jagħmel. Aħna rridu naraw li nilħqu l-miri li għandna stabbiliti filwaqt li ma nweġgħux lill-poplu. Għalhekk nagħżlu t-triq li filwaqt li nqajmu iktar kuxjenza, lill-poplu ninċentivawh… Ħaġa waħda hi ċerta. Il-pajjiż mhux rieqed. Altru minn hekk. Issa bħal f’kull ħaġa oħra. Il-prinċipju tal-gvern immexxi minni hu li nibnu fuq dak li bdejna nagħmlu tajjeb, u fejn nistgħu nagħmlu aħjar. Għalhekk bħalissa għandna għal konsultazzjoni pubblika Low Carbon Development Strategy. Primarjament biex niddentifikaw dawk l-iktar miżuri li Malta jaqblilha timbara fuqhom biex inkunu effettivi, fl-istess ħin li nimxu lejn il-mira tagħna ta’ ekonomija ħielsa mill-karbonju.”
Għall-kuntrarju, il-Prim Ministru spjega kif l-Oppożizzjoni, bħal dejjem ħsiebha biss biex tbiegħ narrattiva li meta kienet fil-Gvern hi, kollox kien sew u wara niżlet ix-xemx.
“Din hija sfida kollettiva oħra li teħtieġ li ningħaqdu flimkien. L-Oppożizzjoni bħal dejjem ħsiebha biss biex tbigħ narrativa li meta kienet fil-gvern hi kollox kien sew u wara niżlet ix-xemx.
Onestament jekk hemm qasam fejn zgur ma nistgħux inmorru lura għal qabel l-2013 huwa l-ambjent.
Tista’ timmaġina qatt li mmorru lura għal ġenerazzjoni tal-enerġija permezz tal-heavy fuel oil? Għal żmien meta kienet tintuża l-powerstation tal-Marsa u t-trab iswed? Fl-2012 bħala pajjiż kellna emissjonijiet tas-sulphur oxide daqs l-Isvizzera, pajjiż b’għoxrin darba l-popolazzjoni tagħna. Fi żmien l-amministrazzjoni Gonzi u n-nies li għandu madwaru l-Kap tal-Oppożizzjoni llum, l-emissjonijiet mis-settur tal-enerġija biss kienu żdiedu b’10%.
Perfetti m’aħniex, iżda naqqasna l-emissjonijiet mis-settur tal-enerġija b’40%. Meta tara l-emissjonijiet ras għal ras mill-karbonju, illum qegħdin lura għall-livell li konna fl-1985. Reġġajna lura l-ħsara li saret f’tant snin. Wasalna, da żgur li le. Għalhekk qed nagħmlu u nippjanaw iktar.
Iżda, minn naħa l-oħra, smajtu xi proposti ġodda mill-Opposizzjoni dan l-aħħar? Jien kulma qed nisma mill-oppożizzjoni huwa ġlied u firda.”
Ritratt: Malta Chamber of Commerce