Lagħqa Urġenti Tal-G7 Dwar Is-Sitwazzjoni Fl-Afganistan

 Lagħqa Urġenti Tal-G7 Dwar Is-Sitwazzjoni Fl-Afganistan

Il-mexxejja tal-Ewropa qed jżidu l-appelli tagħhom biex l-Istati Uniti jżommu t-truppi fl-Afganistan. Dan hekk kif fl-aħħar tax-xahar jiskadi l-ultimatum li t-Taliban taw lis-suldati Amerikani biex joħorġu mill-pajjiż.

Illum mistenni jsir summit speċjali tal-G7 rigward is-sitwazzjoni fl-Afganistan. Dan is-summit qed ikun ospitat mir-Renju Unit b’mod virtwali, fejn il-kriżi fl-Afganistan se tkun qed tiddomina d-diskussjoni.

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson u oħrajn, inkluż il-President Franċiż Emmanuel Macron qed jagħmlu pressjoni fuq l-President Amerikan Joe Biden biex jestendi l-iskadenza tal-31 ta’ Awwissu għall-irtirar totali tal-forzi Amerikani.

Dan biex jgħin biex jinħarġu eluf ta’ ċittadini barranin kif ukoll Afgani li ħadmu għal jew b’xi mod ieħor appoġġaw l-operazzjoni tan-NATO mmexxija mill-Amerika.

Iżda t-Taliban insista li għandhom ilestu l-evakwazzjonijiet sal-aħħar tax-xahar.

Ritratt: independent.co.uk

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com