“Ma Nistgħux Inħallu Kollox Għall-Aħħar U Jsir Kollox Fl-Aħħar Ġimgħa…” – Julie Zahra Dwar Il-Ftuħ Mill-Ġdid Tal-Iskejjel
Julie Zahra kandidata tal-Partit Nazzjonalista reġgħet waslet l-appell tagħha permezz ta’ Vlogg fuq il-medja soċjali dwar is-sitwazzjoni tal-edukazzjoni f’pajjiżna. Dan wara li ġimgħa ilu tkellmet waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar dan is-suġġett.
Julie Zahra saħqet li matul din il-ġimgħa stenniet lill-Gvern joħroġ il-linji gwida dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, iżda dan baqa’ ma seħħx.
Fil-Vlogg li għamlet hija appellat u qalet li ħafna studenti, ġenituri u edukaturi jinsabu mħassba dwar is-sena skolastika li jmiss li ħa tkun qed tibda f’4 ġimgħat oħra.
“Hemm żgħażagħ li għadhom ma jafux x’ħa tkun l-esperjenza tagħhom fl-MCAST, fis-6th form jew fl-Università” sostniet Julie Zahra filwaqt li qalet li hi mhux qed tirreferi għad-dati ta’ meta ħa jibdew l-iskola, iżda “qed nitkellem fuq il-linji gwida sabiex nissalvagwardjaw saħħet uliedna, l-edukaturi u tal-familji tagħna.”
“Dan huwa ta’ interess Nazzjonali…ma nistgħux inħallu kollox għall-aħħar u jsir kollox fl-aħħar ġimgħa,” kompliet tisħaq Zahra filwaqt li temmet tgħid li titamma li ġimgħa oħra ma jkollix tagħmel appella ieħor mill-ġdid dwar dan.