Maħtura Għall-Ewwel Darba Żewġ Rappreżentati Taż-Żgħażagħ Maltin Għan-Nazzjonijiet Magħquda

 Maħtura Għall-Ewwel Darba Żewġ Rappreżentati Taż-Żgħażagħ Maltin Għan-Nazzjonijiet Magħquda

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ħatar lil Matthew Micallef St John u lil Emma De Gabriele bħala l-ewwel żewġ rappreżentanti taż-Żgħażagħ Maltin għan-Nazzjonijiet Magħquda waqt ċerimonja li matulha ż-żewġ żgħażagħ kienu preżentati b’ċertifikat tal-ħatra.

Il-Ministru feraħ liż-żewġ żgħażagħ għas-suċċess tagħhom li wassal biex ġew magħżula bħala rappreżentati taż-Żgħażagħ Maltin għan-Nazzjonijiet Magħquda wara li kienet inħarġet sejħa pubblika u tlesta l-proċess kompetittiv tal-għażla.

Il-Ministru saħaq dwar il-ħtieġa li nafdaw liż-żgħażagħ tagħna biex bis-saħħa tal-parteċipazzjoni tagħhom jagħtu kontribut biex ikompli jiġi msaħħaħ id-djalogu u l-kooperazzjoni internazzjonali u esprima l-isbaħ xewqat għal Matthew u għal Emma f’dan l-irwol. Il-ministru tenna li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej jinsab determinat li jkompli jinvesti fiż-żgħażagħ billi jagħtihom l-opportunità biex jagħtu l-kontribut siewi tagħhom favur il-paċi u s-sigurtà fuq livell internazzjonali.

Is-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar feraħ mill-ġdid lil Matthew u lil Emma u saħaq dwar il-bżonn li ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna, mhux biss għax irridu ngħinuhom jilħqu l-aspettattivi tagħhom imma wkoll għax il-ministeru jinsab konvint li ż-żgħażagħ għandhom kontribut siewi x’jagħtu. Is-segretarju permanenti enfasizza li hemm bżonn li nħarsu u nkattru l-potenzjal taż-żgħażagħ billi noffrulhom opportunitajiet bħal dawn biex ikomplu jsawru l-kwalitajiet tagħhom.

Bħala rappreżentati taż-Żgħażagħ Maltin għan-Nazzjonijiet Magħquda, Matthew u Emma, bil-għajnuna tal-ministeru, ħa jkunu f’pożizzjoni li jiddiskutu ma’ żgħażagħ Maltin kif ukoll mar-rappreżentati taż-Żgħażagħ għan-Nazzjonijiet Magħquda u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ pajjiżi oħra, b’mod speċjali fuq temi relatati mat-twettiq tal-għanijiet tal-programm tal-Iżvilupp Sostenibbli u l-missjoni globali tan-Nazzjonijiet Magħquda. Il-parteċipazzjoni taż-żewġ żgħażagħ ħa tkun qed tgħolli l-profil u l-għarfien fuq l-opinjoni taż-żgħażagħ Maltin fuq l-isfidi globali, filwaqt li tagħtihom opportunità sabiex jaqsmu t-tħassib tagħhom matul diskussjonijiet internazzjonali.

Ir-rappreżentati taż-Żgħażagħ Maltin għan-Nazzjonijiet Magħquda ħa jkunu mitluba sabiex jirrappreżentaw l-interessi ta’ żgħażagħ Maltin minn kull faxxa tas-soċjetà, b’kooperazzjoni ma’ diversi aġenziji u ma’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f’Malta.

Rappreżentati ta’ Aġenzija Żgħażagħ, MALTMUN u tal-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ attendew għal din iċ-ċerimonja.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com