‘Malta Rocks’ – L-Aqwa Artisti Lokali Lura Fuq Il-Palk F’Settembru

 ‘Malta Rocks’ – L-Aqwa Artisti Lokali Lura Fuq Il-Palk F’Settembru

L-aqwa talent mużikali lokali lura fuq il-palk għal dak li huwa mistenni bħala r-ritorn tax-xena tad-divertiment f’pajjiżna wara diversi xhur ta’ restrizzjonijiet li ma’ ħallewx avvenimenti bħal dawn jseħħu kawża tal-pandemija.

Malta Rocks huwa kunċert li ħa jkun organizzat għal-ewwel darba fis-17 ta’ Settembru, mis-6pm ‘l quddiem fuq il-Fosos tal-Florjana.

Dan l-ispettaklu mużikali ħa jkun jinkludi fost l-aqwa artisti lokali fosthom Destiny, Kantera, Kersten Graham, Lapes, Michela, Mikaela, Matthew James and Band, Owen Leuellen, Red Electrick, The Busker, The Rifffs, Tribali u Wayne & Band.

Mark Grech, producer ta’ dan il-kunċert qal li dan l-avveniment huwa xhieda tal-kwalità tat-talent li għandna fuq il-gżejjer tagħna u huwa wkoll timbru ta’ approvazzjoni għall-affarijiet kollha li saru matul is-snin minn diversi setturi u partijiet interessati biex tittejjeb l-industrija tad-divertiment. It-tim ħa jkompli jaħdem bil-ħerqa biex jkompli jkabbar dan il-kunċett, sabiex ikun jista’ jsir avveniment annwali fejn il-maġġoranza tat-talent lokali jista’ jiġi espost. Mark Grech flimkien mat-tim tiegħu rringrazzjaw lill-awtoritajiet għax-xogħol tagħhom kif ukoll lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li kienu ta’ spalla.

F’kummenti mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Ħarsien tal-Konsumatur Clayton Bartolo qal li “Malta Rocks hija aħbar brillanti għall-industrija tad-divertiment. Hekk kif qed inkomplu nimxu fit-triq lejn in-normalità, huwa kruċjali li l-pubbliku Malti jibqa’ responsabbli b’rispett sħiħ tar-regolamenti deskritti mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika.” Il-Ministru Bartolo awgura lill-artisti u l-organizzaturi kif ukoll irringrazzja b’mod speċjali lill-MTA li kellha rwol importanti biex dan l-avveniment isir realtà.”

Johann Buttigieg, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qal li “Malta Rocks hija l-opportunità perfetta kemm għan-nies tal-lokal kif ukoll għat-turisti biex jesperjenzaw it-talent kbir li l-Gżejjer tagħna għandhom x’joffru, u bi pjaċir qed nappoġġjaw dan l-avveniment, li tabilħaqq huwa l-ewwel ċans għal uħud mill-ifjen Maltin, li jingħaqdu fuq pjattaforma waħda,  fi żmien meta avvenimenti bilqiegħda sikuri u kkontrollati jistgħu jibdew iseħħu.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com