Marina Di Valletta Ltd B’Investiment Ieħor Ta’ €1 Miljun
Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura sensiela ta’ proġetti infrastrutturali li saru mill-kumpanija Marina Di Valletta Ltd b’investiment ta’ €1 miljun li ssarraf f’uffiċini ġodda, faċilitajiet għall-klijenti tal-kumpanija, u ristorant ġdid, investiment li jikkumplimenta is-€6.5 miljun investiment li diġà sar fil-Marina tul dawn l-aħħar snin.
Dr Abela rrimarka li Malta tpoġġiet fuq il-mappa tad-dinja bħala l-aktar flag state prominenti fl-Ewropa u s-sitt l-akbar fid-dinja u sostna li dan huwa riżultat tas-servizz eċċellenti li joffri f’dan is-settur pajjiżna.
“L-awtoritajiet regolatorji tagħna dejjem ħolqu ambjent adegwat u professjonali biex jilqgħu għal investimenti bħal dawn. Is-settur marittimu huwa wieħed importanti ferm għal pajjiżna.”
Il-Prim Ministru spjega li pajjiżna fl-aħħar erba’ snin irreġistra ukoll żieda ta’ 65% fir-reġistrazzjonijiet tas-superyachts.
Dr Abela tenna l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jinvesti fis-settur marittimu biex jinħolqu impjiegi tal-aqwa kwalità.
Il-President tal-Grupp Azimut Benetti Paolo Vitelli qal li llum hija ġurnata sabiħa għax qed niċċelebraw it-tlestija ta’ infrastruttura għall-jottijiet f’Malta u timmarka l-bidu tal-operazzjoni sħiħa tal-Marina.
“Dan l-aħħar investiment ipoġġi lil Marina di Valletta fl-ogħla livell tas-suq fil-Mediterran. Nistqarr ukoll li sibna l-għajnuna kollha li kien hemm bżonn fuq livell amministrattiv b’kooperazzjoni kontinwa u b’effiċjenza li taqdi l-ħtiġijiet kif suppost u fil-ħin,” stqarr is-Sur Vitelli.
“Aħna nibqgħu lesti li nagħmlu aktar negozju f’din il-gżira sabiħa fejn inħossuha d-dar naturali tagħna,” temm jgħid il-President tal-Grupp.
Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u ċ-Chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Joseph Bugeja.
Marina di Valletta hija konsorzju ta’ investituri barranin u lokali u d-dħul tagħha matul l-2021 kien dak ta’ ftit inqas minn biljun ewro.
Ritratti: DOI