Mark Laurence Zammit Jieqaf Mil-Programm Tiegħu Fuq TVM

 Mark Laurence Zammit Jieqaf Mil-Programm Tiegħu Fuq TVM

“Nikkonferma li mhux se nibqa’ mmexxi u nippreżenta l-programm L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa. Fix-xhur li għaddew kelli ħafna ndħil mill-PBS, liema ndħil ma kienx qed iħallini fil-libertà li naħdem skont il-prinċipji ġurnalistiċi tiegħi, u kien ċar li qed ifixkel il-lealtà tiegħi lejn l-udjenza.”

Hekk kiteb ftit tal-ħin ilu fuq il-mezzi soċjali tiegħu l-ġurnalist u preżentatur popolari televiżiv Mark Laurence Zammit.

Mark ikkonferma li ħa d-deċiżjoni li jieqaf mil-programm tiegħu fuq TVM.

“Il-lealtà tiegħi kienet, għadha u tibqa’ lejn il-Poplu, u mhux lejn il-poter politiku.” Tenna Mark Laurence.

Fil-messaġġ tiegħu huwa qal li din hija l-aktar deċiżjoni iebsa ta’ ħajtu, “għax din kienet l-aktar ħolma kbira ta’ ħajti. Imma anke l-akbar ħolma ssir ħmar il-lejl jekk ma tgħixhiex fis-sewwa mal-kuxjenza.” Saħaq Mark f’dan il-messaġġ.

Mark qal li ħa jkun qed ikompli dan ix-xogħol ġurnalistiku tiegħu ma’ Times of Malta minn għada t-Tnejn, għaliex jemmen li din l-organizzazzjoni għandha ġurnalisti li qed jaħdmu għall-ġustizzja u l-verità.

Huwa rringrazzja lit-tim li ħaddem miegħu u lil kumpanija ‘WE Media’ li tagħtu lis-spazju biex jaħdem, jitgħallem u jikber.

“Imma fuq kollox nirringrazzja lill-eluf ta’ nies li segwewna kull ġimgħa. Wara biss għaxar ġimgħat minn meta beda l-programm, survey tal-Awtorità tax-Xandir kien diġà kkonferma li bħala programm ta’ ġurnaliżmu u diskussjoni, L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa kien l-aktar programm favorit f’Malta u Għawdex.” Ikkonkluda Mark Laurence Zammit.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com