Mħabbar Proġett Ta’ €90,000 Għall-Knisja Tal-Madonna Tal-Karmnu Fil-Fgura
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri żar il-lokalità tal-Fgura fejn ħabbar li l-Aġenzija Komunità Malta, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Fgura, se twettaq xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq is-saqaf tal-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu, b’investiment li mistenni jiswa’ madwar €90,000.
Il-Ministru Byron Camilleri faħħar il-ħidma tal-Aġenzija Komunità Malta li qed twettaq bosta xogħlijiet differenti b’risq il-komunitajiet madwar il-pajjiż. “Filwaqt li bħala Ministeru għall-Intern qed naħdmu biex ikollna aktar komunitajiet siguri, dan iwassalna għal pass li jmiss biex ninvestu aktar fi proġetti soċjali u kulturali. Il-Knisja tal-Fgura hija unika bil-karatteristiċi tagħha f’Malta għalhekk huwa fid-dmir tagħna li nħarsu l-patrimonju kulturali ta’ din il-lokalità”, qal il-Ministru Camilleri.
Il-ministru spjega kif dan l-investiment ta’ €90,000 huwa eżempju ieħor ta’ kif qed ninvestu fil-komunità. Fakkar kif dan il-proġett jorbot ma’ sensiela ta’ proġetti oħrajn li qed tamministra l-Aġenzija Komunità Malta biex l-investiment dirett barrani jgawdi minnu kulħadd.
Ix-xogħlijiet fuq il-Knisja Parrokkjali tal-Fgura mistennija jinkludu manutenzjoni estensiva tas-sisien tas-saqaf filwaqt li se ssir restorazzjoni tas-saqaf minn ġewwa u minn barra.
Ritratti: DOI