Mozzjoni Biex Il-Gvern Jirtira L-Proġett Tal-Marina F’Marsaskala
![Mozzjoni Biex Il-Gvern Jirtira L-Proġett Tal-Marina F’Marsaskala](https://stradarjali.com/wp-content/uploads/2021/08/235040483_4308113762578443_8905541380585644586_n-850x560.jpg)
Tressqet mozzjoni fil-Kunsill lokali ta’ Marsaskala biex il-Gvern jirtira s-sejħa għall-offerti u l-proġett tal-marina kif preżentat.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li wara l-pressjoni min naħa tal-Partit Nazzjonalista, partikolarment mill-Kunsilliera lokali li qed ilissnu l-vuċi tar-residenti Skalin, “Transport Malta ammettiet li għaġġlet meta ħarġet it-tender għall-konċessjoni tal-Marina qabel ma sar l-ebda studju serju dwar l-impatt fuq residenti, in-negozju u l-ambjent tal-bajja.”
Il-Partit Nazzjonalista qed jappoġġja l-mozzjoni mressqa mill-Minority Leader tal-PN John Baptist Camilleri biex il-Gvern jirtira minnufih is-sejħa għall-offerti maħruġa minn Transport Malta għall-proġett tal-Marina.
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li huwa kontra l-proġett kif propost. “Proġett sproporzjonat u mgħaġġel,” tenna l-PN waqt li kompla jgħid li “n-nofsinhar ta’ Malta jeħtieġ investimenti kemm għar-residenti kif ukoll għat-turiżmu fiż-żona, iżda dan irid isir f’armonija mal-bżonn tal-komunità mhux minn wara dahar kulħadd bħal ma qed jagħmel il-Gvern f’Marsascala.”
Il-PN temm jgħid li “fil-kuntest tal-konfużjoni sħiħa maħluqa mill-Gvern, b’deputati parlamentari tal-Gvern stess fuq id-distrett ta’ Marsascala jgħidu li jsiru jafu fuq il-proġett mill-media u b’kunsillieri Laburisti jiddikjaraw li huma wkoll kontra l-proġett.
Ritratt: Facebook / Moviment Graffitti