Persuna Tweġġa’ F’Inċident Bejn 4 Vetturi F’San Pawl il-Baħar
Mara ta’ 64 sena tweġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku bejn 4 vetturi.
L-inċident seħħ ilbieraħ, għal xi l-5pm, fi Triq il-Korp tal-Pijunier, San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn investigazzjoni preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn 4 vetturi – Mercedes li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 24 sena residenti San Pawl il-Baħar, Renault Zoe li fiha kien hemm żewġ nisa Spanjoli ta’ 64 sena, kif ukoll Volkswagen u Ford li kienu pparkjati.
Tim mediku ta l-għajnuna u ambulanza ħadet lill-passiġġiera tar-Renault l-Isptar Mater Dei għal aktar attenzjoni medika. Aktar tard, hi ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.