Persuni Dipendenti Fuq L-Assistenza Soċjali Jinżel Għall-Anqas Livell Qatt Reġistrat

 Persuni Dipendenti Fuq L-Assistenza Soċjali Jinżel Għall-Anqas Livell Qatt Reġistrat

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti Mark Musù spjegaw kif in-numru ta’ persuni li jiddependu fuq l-assistenza soċjali fl-aħħar ta’ Lulju li għadda kien fl-anqas livell qatt reġistrat.  Saħansitra, dan kien anqas minn kemm kien immedjatament qabel bdiet il-pandemija.

Fil-fatt, filwaqt li t-total ta’ 6,743 persuna li fis-7 ta’ Marzu 2020 li kienu qed jirċievu l-assistenza soċjali, inklużi single parents u dawk li jieħdu l-għajnuna tal-qgħad, dan in-numru niżel għal 6,469 persuna fil-31 ta’ Lulju 2021 – tnaqqis ta’ 274 persuna. L-akbar tnaqqis kien reġistrat f’dawk li jieħdu l-għajnuna soċjali, b’163 persuna, filwaqt li dawk li jieħdu l-għajnuna tal-qgħad naqsu b’111-il persuna.

Il-Ministru Michael Falzon qal li hu importanti li wieħed ifakkar li fl-2013 in-numru totali ta’ persuni li kienu jiddependu fuq l-assistenza soċjali kien ta’ 15,114 li jfisser li kien aktar mid-doppju li hu illum. Fil-fatt, mill-2013 ‘l hawn dan in-numru naqas konsistentament kull sena, eskluż għall-perjodu qasir ta’ ftit xhur waqt il-pandemija, fejn kien hemm żieda żgħira, biex illum hemm 8,645 persuna anqas jiddependu fuq l-assistenza soċjali milli kien hawn fl-2013 – tnaqqis ta’ aktar minn 57%.

“Dan ifisser ukoll li issa l-qgħad niżel b’90% ta’ dak li kien tmien snin ilu, filwaqt li n-numru globali ta’ persuni dipendenti fuq l-assistenza soċjali, huwa anqas min-nofs ta’ dak li kien fl-2013. Dan kollu jkompli jagħmlilna kuraġġ sabiex inkomplu ntejbu l-livell ta’ għajxien tan-nies”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Mill-2013 ‘l hawn dawk dipendenti fuq l-għajnuna soċjali niżlu minn 10,784 għal 6,018 – tnaqqis ta’ 4,766 persuna (44.2%).  It-tnaqqis fl-għajnuna tal-qgħad kien saħansitra akbar perċentwalment, fejn minn 4,330 fl-2013 il-figura niżlet għal 451 – tnaqqis ta’ 3,879 persuna jew 89.6%.

Il-Ministru Michael Falzon qal li l-gvern se jkompli għaddej b’ħidma kontinwa favur il-familji Maltin u Għawdxin. Qal ukoll li bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti sabiex il-ministeru jippreżenta sett ta’ miżuri soċjali li se jkunu ppreżentati fil-budget li jmiss sabiex jingħata s-sostenn lil kulħadd.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com