Raġel Ta’ 39 Sena Arrestat Wara Li Prova Jaħrab B’Kilo Kokaina Fil-Vettura Tiegħu
Il-Pulizija arrestat raġel ta’ 39 sena residenti l-Marsa b’rabta mas-sejba ta’ madwar kilo ta’ sustanza suspettata kokaina.
Wara diversi jiem ta’ osservazzjoni fuq il-movimenti tar-raġel, ilbieraħ filgħodu, għall-ħabta l-Pulizija waqqfet il-vettura tiegħu fi Triq il-Qaliet, Wied il-Għajn. F’dan il-mument, l-allegat suspettat ħarab minn fuq il-post b’veloċità qawwija u ħabat f’vettura tal-Pulizija. Il-pulizija saqu għal warajh, iċ-ċirkondawh aktar l-isfel fl-istess triq u ġie arrestat.
Wara tfittxija fil-vettura ġie elevat pakkett li fih kien hemm madwar kilo sustanza suspettata kokaina, lesta għat-traffikar. Il-pulizija għamlet tfittxija wkoll fir-residenza tar-raġel fil-Marsa fejn ġiet elevata arma tan-nar.
Id-droga misjuba, li kieku laħqet inbiegħet fis-suq, kienet tlaħħaq madwar €60,000.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke ġiet infurmata u ħatret inkjesta.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.