Raġel Tilef Il-Kontroll Tal-Mutur F’Inċident Tat-Traffiku
Ilbieraħ, għal xi l-11:30pm, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident fi Triq Il-Korp tal-Pijunieri, San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija marret fuq il-post u minn investigazzjoni preliminari rriżulta li raġel ta’ 47 sena residenti San Pawl il-Baħar, tilef il-kontroll tal-mutur Harley Davidson li kien qiegħed isuq u nqaleb.
Huwa ngħata l-assistenza minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.