“Robert Abela Obda Lil Joseph Muscat Għax Ma Dejqux Billi Ma Semmiehx” – Il-PN

 “Robert Abela Obda Lil Joseph Muscat Għax Ma Dejqux Billi Ma Semmiehx” – Il-PN

“F’intervista kkontrollata Robert Abela naqas għal kollox milli jitkellem dwar Joseph Muscat li wissieh sabiex ma jdejqux għax inkella jeħodlu postu.” Hekk qalet l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista fejn tenniet li fil-fatt Robert Abela obda lil Joseph Muscat għaliex ma dejqux billi ma semmiehx.

Qalet ukoll li dak li qal Robert Abela llum dwar il-ftuħ tas-sena skolastika l-ġdida ma jagħti l-ebda serħan il-moħħ lill-eluf ta’ studenti, ġenituri, edukaturi u ħaddiema fis-settur.

Il-PN sostna li l-kwistjoni li jrid jindirizza Robert Abela mhix jekk l-iskejjel minn livell primarju sa dak terzjarju għandhomx jiftħu iżda kif dan ser isir. “Robert Abela irid jirrealizza li kważi wasalna f’Settembru, u ħadd għadu ma jaf xejn.”

L-stqarrija mill-PN tgħid ukoll li fuq it-tibdil fil-klima, minkejja l-kliem fieragħ ta’ Robert Abela, il-Gvern tiegħu wera li m’għandu l-ebda interess li jindirizza l-problema tat-tibdil fil-klima għaliex minflok ħadem mal-Unjoni Ewropea sabiex il-miri jintlaħqu qabel, falla l-miri tal-2020 u mar jinnegozja sabiex Malta tilħaqhom wara ħaddieħor.

“It-tibdil fil-klima hi sitwazzjoni ta’ emerġenza għal kulħadd u l-Gvern għandu jaħdem sabiex il-miri stabbiliti jintlaħqu kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com