Saint John Rescue Corps Ippreżentat Vettura Ġdida Tat-Tifi Tan-Nar Kif Ukoll Dinghi Tas-Salvataġġ

 Saint John Rescue Corps Ippreżentat Vettura Ġdida Tat-Tifi Tan-Nar Kif Ukoll Dinghi Tas-Salvataġġ

Nhar s-sibt li għadda, l-għaqda volontarja St John Rescue Corps ippreżentat il-vettura l-ġdida tat-tifi tan-nar kif ukoll dinghi tas-salvataġġ.

Id-dinghi Brig ta 21 pied, ġie sostanzjalment iffinanzjat minn #Kayak4StJohnRescue, sfida ta ġbir ta’ fondi li ttellgħet f’Lulju tas-sena l-oħra b’sehem ta’ 8 qaddiefa; Alberta Gambina, David Abela, Karl Borg, Alan Borg, Chris Mercieca, Luca Arrigo, Dorian Vassallo u Cami Appelgren.

Grazzi għal din l-isfida u diversi sponsors u donaturi oħra, din l-NGO issa għandha t-tieni dgħajsa ta’ salvataġġ li tista’ tippermetti lill-voluntiera jwettqu operazzjonijiet ta’ salvataġġ u joffru sigurtà f’avvenimenti relatati mal-baħar, bħalma huma avvenimenti sportivi, b’ mod effiċjenti u sigur għalihom ukoll. Din id-dgħajsa ta’ salvataġġ hija mgħammra b’tagħmir avvanzat għas-salvataġġ tal-baħar.

Mgħotija b’donazzjoni minn Merseyside Fire and Rescue Services (UK), il-vettura tat-tifi tan-nar il-ġdida tista’ ġġorr sa ħames pumpieri u hija mgħammra b’tagħmir protettiv personali u apparat għan-nifs, fost l-oħrajn fuqha jinġarru slielem u apparat ieħor li jintuża f’salvataġġ relatat ma’ inċidenti tat-traffiku.  Din il-vettura qegħda tieħu post vettura oħra tat-tifi tan-nar biex b’hekk issa din l-NGO tinsab mgħammra b’żewġ vetturi tat-tifi tan-nar tat-tip first-line u żewġ vetturi żgħar li jistgħu jintużaw f’postijiet b’aċċess limitat.

Waqt il-preżentazzjoni, id-Deputat Kummissarju s-Sur Christopher Borg Cardona rrimarka kif “St John Rescue Corps kontinwament tagħti t-taħriġ lil voluntiera tagħha sabiex jkunu jistgħu jipprevjenu inċidenti fuq l-art u fuq il-baħar kif ukoll sabiex ikunu jistgħu joffru l-għajnuna f’bżonn ta’ emerġenzi mediċi jew dawk relatati mas-salvataġġ.  Daqs t-taħriġ huwa ukoll importanti li jkollna t-tagħmir neċessarju u l-vetturi li jassiguraw li l-voluntiera jkunu jistgħu jaslu fuq l-postijiet tal-emerġenza b’mod effiċjenti u sigur.  Għalhekk din il-vettura l-ġdida flimkien mad-dinghi ser iżidu l-kapaċità tal-voluntiera tagħha biex joffru s-servizzi tagħhom f’avvenimenti pubbliċi kif ukoll meta nassistu lil Protezzjoni Ċivili ta’ Malta.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com