“Se Nibqgħu Nagħmlu Dak Kollu Possibbli Biex L-Istudenti Ma Jitilfux Aktar Mill-Esperjenza Edukattiva Tagħhom” – Il-PM
“Hemm direzzjoni ċara biex isiru l-arranġamenti kollha possibbli biex minn Ottubru l-istudenti jgħixu l-esperjenza tagħhom on campus, fl-iskejjel.”
Il-Prim Ministru Robert Abela, f’kollegament telefoniku fuq ONE qal kif tul il-pandemija fid-dinja kollha, dejjem rajna li wieħed irid isegwi jum b’jum imma m’hemmx dubju li anke hawn il-vaċċin se jgħin ħafna. Illum għandna l-għalliema vaċċinati u għandna studenti mit-tieni u t-tielet sena tas-sekondarja ‘l fuq li għandhom l-aċċess għall-vaċċin.
Tenna li filwaqt li bħalissa jkunu għaddejjin l-arranġamenti bejn l-awtoritajiet tal-edukazzjoni u tas-saħħa, qed nagħmlu u se nibqgħu nagħmlu dak kollu possibbli biex l-istudenti ma jitilfux iktar mill-esperjenza edukattiva tagħhom. Inkluż fl-istituzzjonijiet post sekondajri fejn naf kemm kienet diffiċli għalihom li tilfu mumenti importanti li jgħinuhom jiżviluppaw il-ħiliet, il-life skills u anke r-relazzjonijiet mal-ħbieb.
“Bħal l-ambjent, l-edukazzjoni hi pilastru għall-dak li rridu nibnu għal ġejjieni. Fil-fatt huma żewġ oqsma ċentrali fl-istrateġija tagħna għall-ekonomija tas-snin li ġejjin. Bħalissa aħna għaddejin ukoll bit-tħejjijiet għall-baġit u dawn il-prijoritajiet se naħdmu biex jibqgħu jkunu riflessi fix-xogħol tagħna għall futur.” Hekk temm il-Prim Ministru Robert Abela.
Ritratt: 89.7 Bay