“Se Nibqgħu Noħolqu L-Opportunitajiet U Ninċentivaw Il-Bżulija” – Il-PM Robert Abela
F’kollegament telefoniku fuq One Radio dalgħodu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela qal li se jkompli jaħdem fuq il-programm ta’ riformi. Qal li ħa jinbda bid-diskussjonijiet u tħejjijiet fil-gvern, kif ukoll konsultazzjonijiet ma’ dawk involuti, minn din il-ġimgħa stess.
Huwa semma wkoll żewġ pilastri li ħa jkun qed jaħdem fuqhom biex imexxu lil pajjiżna ‘l quddiem, dawn huma – Responsabbilta’ u Għaqda Nazzjonali.
Il-PM Abela spjega li “Għaqda nazzjonali ma tfissirx li kulħadd jaqbel f’kollox, imma li niżviluppaw il-ħsibijiet tagħna u nidibattu kemm u jekk hemm bżonn bl-ikbar rispett…Issa l-attenzjoni trid tkun kollha biex naħdmu fuq ir-riforma l-kbira li jmiss. B’pass tajjeb, iżda b’għaqal. Għax meta tkun qed tippjana u tagħmel dawn il-bidliet mhux biss tkun qed tibdel illlum, iżda tkun qed tħejji l-pajjiż għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. U lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin irridu ntuhom pajjiż aħjar milli kien tletin, għoxrin, għaxar snin ilu. Pajjiż aħjar milli hu llum.”
Robert Abela sostna li dawn il-bidliet se jsaħħu l-mod kif jaħdem l-istat u l-istituzzjonijiet tiegħu.
“Il-parti l-oħra mbagħad, dik li trid tarana niddiskutu l-ġejjieni tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna. Naħseb din irridu nidħlu għalija bħala dik ir-riforma li permezz tagħha se nkunu qed nirriformaw ir-raba’ pilastru tad-demokrazija tagħna.”
Il-Prim Ministru qal ukoll kif fl-aħħar snin diġà saru bidliet kbar, inkluż meta kienu rriformati liġijiet fosthom tal-libell kriminali li kien ilu biex jitneħħa żmien u tneħħa minn Gvern Laburista.
Abela qal li “issa deħlin għal dik il-fażi fejn irridu nfasslu flimkien il-bażi għas-sostenibbiltà tal-professjoni. Fil-pandemija tajna l-għajnuna biex il-midja tibqa’ tgħix. Issa rridu nħarsu lil hinn mill-pandemija, fejn mhux biss nitkellmu fuq is-sostenibbiltà finanzjarja, iżda wkoll it-tisħiħ tal-professjoni. Dan irid isir billi aħna nerfgħu r-responsabbiltà tagħna bħala leġiżlaturi u gvern, iżda bis-sehem sħiħ ta’ min is-settur jafu sew.”
Dwar l-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru stqarr li mhux se jilgħab logħob partiġġjan fuq din il-kwistjoni u l-atitudni tal-Oppożizzjoni jiġġudikawha n-nies.
“Ħaġa waħda biss iddispjaċini. Li ma jirrikonoxxux il-ħidma ta’ tant nies tal-affari tagħhom, ma jirrikonoxxux l-ebda żviluppi għall-ġustizzja. Għax il-maġġoranza assoluta tal-persuni fdati biex jaħdmu għal dan il-pajjiż, dan jagħmluh b’għaqal, bżulija u lealtà. U dawk in-nies ma ħaqqhomx iż-żebliħ ta’ min suppost qed hemm biex jagħtihom kuraġġ” tenna l-PM Robert Abela.
“Se nibqgħu noħolqu l-opportunitajiet u ninċentivaw il-bżulija” saħaq il-PM.
“Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena reġa’ kellna inqas persuni li kellhom iduru fuq l-assistenza soċjali biex jgħixu. Preċiżament tlieta fil-mija inqas. Tnaqqis fuq perjodu tas-sena ta’ qabel, meta diġa’ kellna tnaqqis ikbar.”
Robert Abela spjega kif dan it-tnaqqis jistona bil-kbir ma dak li kien ġara fil-kriżi ekonomika ta’ wara l-2008, meta kien hemm żieda ta’ kważi 900 persuna fuq l-assistenza soċjali.
Il-Prim Ministru temm jgħid kif in-nies jafu li dan il-gvern għandu l-prijoritajiet tajbin. “Għalhekk jibqgħu magħna. Għax fi skiet ta’ djarhom, meta janalizza x’jaqbillu l-pajjiż, iqabblu t-tmexxija tal-lum ma’ dik ta’ qabel l-2013 u jqabblu l-gvern mal-Oppożizzjoni. Magħna jafu fejn qegħdin anke jekk perfetti m’aħniex.”