“Se Niltaqgħu Ma Kulħadd Biex Lil Dan Il-Pajjiż Mill-Ġdid Niksbulu Normalità” – Bernard Grech

 “Se Niltaqgħu Ma Kulħadd Biex Lil Dan Il-Pajjiż Mill-Ġdid Niksbulu Normalità” – Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ilbieraħ filgħaxija kien qed jieħu sehem f’attività politika Q&A din il-ġimgħa fil-Mellieħa. Waqt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet huwa  qal li l-Ministru Edward Zammit Lewis ma jistax jibqa’ jokkupa din il-kariga u sostna li sakemm il-Prim Ministru Robert Abela iħallih fil-kariga jkun ifisser li jiġi jaqa’ u jqum mill-Maltin. Qal li issa ħareġ biċ-ċar kemm kellu ħbiberija ma’ Yorgen Fenech meta kien magħruf li huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black u meta ddieħak bil-votanti Laburisti stess u għajjarhom bi kliem ta’ disprezz, u allura għandu jġorr ir-responsabbiltà politika u jirriżenja.

Il-Kap tal-PN qal li l-Prim Ministru Robert Abela mhux veru għandu għal qalbu l-ġid ta’ pajjiżna għaliex mal-ewwel test li kellu mill-paroli m’għaddiex għall-fatti. Sostna li min-naħa l-oħra, meta kiteb lill-ispeaker biex jitlaqqa’ l-parlament, għal mozzjoni ta’ sfiduċja fil-konfront ta’ Zammit Lewis, l-iSpeaker Anglu Farrugia m’aċċettax din l-istedina fuq rakkomandazzjoni tal-Gvern stess.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt din l-attivta ħabbar ukoll li Emma Portelli Bonnici se tmexxi tim ta’ nies bil-kompitu li jiltaqgħu mal-istakeholders kollha partijiet interessati oħra biex finalment jagħmlu dokument dwar kif għandhom jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-bord tal-inkjesta. “Se niltaqgħu ma kulħadd, biex il-Partit Nazzjonalista jifformula dokument biex lil dan il-pajjiż mill-ġdid niksbulu normalità u jerġa’ jsir pajjiż rispettabbli” saħaq Bernard Grech.

Il-Kap tal-PN qal li l-Partit Laburista mhuwiex jifhem kemm Malta għandha bżonn terġa tibni r-reputazzjoni tagħha. Qal li min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista mhuwiex ikkontrollat mill-kriminali u għalhekk il-Partit Nazzjonalista jrid jibni storja ġdida u ta’ suċċess.

Ritratt: Facebook / Bernard Grech

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com