Sejħa Urġenti Għad-Demm Tat-Tip O Positive
Il-mewġa ta’ sħana ta’ bħalissa qed tħalli effett fuq id-donazzjonijiet tad-demm ukoll, fil-fatt fl-aħħar 3 ijiem resqu biex jagħtu d-demm 96 persuna, li tista’ tgħid hu nofs ta’ dak li wieħed normalment jistenna. Naturalment is-Servizz tas-Saħħa tant tajjeb li għandna f’pajjiżna ma jistax jieqaf minħabba nuqqas ta’ provvista ta’ demm. Għaldaqstant il-pubbliku hu mħeġġeġ jersaq kemm jista’ jkun malajr biex jagħti d-demm fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa, possibbilment illum stess!
F’dan il-mument ta’ bżonn, il-qraba u l-ħbieb ta’ dawk il-pazjenti li ser jiġu operati jew qed jistennew trasfużjoni tad-demm huma mitluba biex jekk is-saħħa tippermetti jagħmlu l-ewwel pass huma stess.
Intant is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jappella bla waqfien għall-prudenza fuq il-lantijiet tax-xogħol, fit-toroq, kif ukoll fil-baħar, biex kemm jista’ jkun ma jsirux aċċidenti u tiġi evitata sitwazzjoni agħar.
L-għoti tad-demm jista’ jsir fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa, li bħal dejjem jiftaħ 7 ijiem fil-ġimgħa mit-8:00am sas-6:00pm.
Il-karta tal-identità hi meħtieġa!
Iktar informazzjoni dwar l-għoti tad-demm tista’ tinkiseb minn www.blood.gov.mt.
Wieħed jista’ wkoll iċempel 79307307 jew Freephone 80074313.