Tfajla Bi Ġrieħi Gravi Wara Li Ħabtet Bi Quadbike F’Karozza Pparkjata

Tfajla Franċiża ta’ 21 sena, weġgħat gravi waqt li kienet qed issuq quadbike tal-għamla PEDA, tilfet il-kontroll u ħabtet ġo Opel Astra li kienet ipparkjata.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-5:30pm, fi Triq ir-Rabat, in-Nadur, Għawdex.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku, sabiex tingħata l-assistenza medika u ttieħdet l-Isptar Ġenerali t’Għawdex fejn aktar tard ġiet iċċertifikata bi ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.