Tintemm Sensiela Ta’ Laqgħat Mar-Reġjuni Tal-Kunsilli Lokali
Ġiet fi tmiemha sensiela ta’ laqgħat li l-President ta’ Malta George Vella kellu mal-ħames kumitati reġjonali f’Malta u f’Għawdex.
L-aħħar laqgħa kienet mas-sindki tal-erbatax-il kunsilli lokali li jifforma parti minn Reġjun Nofsinhar.
Il-President George Vella fisser li matul dawn il-laqgħat sema’ mill-qrib dwar diversi temi komuni fosthom l-isfidi tal-indafa, il-kostruzzjoni flimkien mal-ħtieġa ta’ integrazzjoni għal persuni barranin. Il-president stqarr li ħa pjaċir jisma’ wkoll dwar inizjattivi pożittivi li ttieħdu dan l-aħħar fil-lokalitajiet fosthom dik tal-pulizija fil-komunità.
Huwa nnota wkoll it-tħassib ta’ ħafna mis-sindki b’rabta mal-ħtieġa ta’ kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn il-gvern lokali u dak ċentrali.
Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Reġjun Nofsinhar Jesmond Aquilina esprima apprezzament għall-istedina mill-President li stqarr li timla lill-kunsilli lokali b’kuraġġ biex ikomplu jaħdmu b’rieda tajba għall-ġid tal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.