Titħabbar It-Tieni Edizzjoni Tal-Premju Nazzjonali Għall-Għarfien Dwar Id-Dimensja 2021
It-tieni edizzjoni tal-Premju Nazzjonali għall-għarfien dwar id-Dimensja 2021 se ssir fl-24 ta’ Settembru li ġej. Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li wara nuqqas ta’ sena minħabba l-pandemija tal-Covid-19, din is-sena se jiġu organizzati sensiela ta’ attivitajiet matul ix-xahar ta’ Settembru, ix-xahar iddedikat għall-għarfien dwar il-kundizzjoni tad-dimensja.
Il-Premju Nazzjonali għall-Għarfien dwar id-Dimensja jirrikonoxxi ġesti altruwisti u d-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji li jagħmlu individwi, professjonisti, membri tal-familja u organizzazzjonijiet li jaħdmu u jieħdu ħsieb persuni bid-dimensja u l-qraba tagħhom.
Il-Ministru qal li n-nominazzjonijiet fetħu llum u se jkun hemm bord tal-għażla li jevalwa n-nominazzjonijiet li jirċievi sas-6 ta’ Settembru li ġej.
F’din l-edizzjoni se jkunu qed jiġu ppreżentati tliet premji. L-ewwel premju huwa l-Premju għal Kontribuzzjoni Eċċezzjonali fil-qasam tad-Dimensja, li huwa miftuħ għal persuni li taw jew qed jagħtu kontribuzzjonijiet eċċezzjonali f’dan il-qasam u mhux neċessarjament huma assoċjati ma’ kura diretta ta’ persuni bid-dimensja.
Il-Premju għall-Informal Carer huwa miftuħ għal persuni li jieħdu ħsieb il-kura primarja, ġeneralment membri tal-familja jew persuni oħra sinifikanti li jkunu qed jieħdu ħsieb direttament lill-persuna bid-dimensja.
It-tielet premju huwa l-premju għall-professjonist jew tim ta’ professjonisti li jaħdmu formalment fil-qasam tad-dimensja.
L-applikazzjonijiet jistgħu jitniżżlu mill-website tal-Anzjanità Attiva www.activeageing.gov.mt. Tista’ tinġabar ukoll l-applikazzjoni mill-uffiċċju tal-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Żona 3, Triq in-Negozju, Mrieħel, Birkirkara, Malta.
L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu bl-email fuq l-indirizz [email protected] jew bil-posta fl-indirizz tal-Ministeru. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq in-numru 2590-3058.
Ritratt: DOI